Fl-aħħar ta’ Jannar se jkun qiegħed jiftaħ l-ewwel emergency vet clinic fil-Fgura. Klinika li s-servizz tagħha żgur li mhux se jkun qed ikopri s-sigħat u l-istess servizz li kien joffri l-isptar tal-annimali f’Ta’ Qali meta kien jopera – u li issa ilu magħluq minn Awwissu tal-2023.
Kienet din l-informazzjoni li ġiet żvelata waqt il-podcast ta’ Ricky Caruana, li fih stieden lil Alicia Bugeja Said u lil Janice Abela Chetcuti – fejn iddiskutew diversi temi b’rabta mad-drittijiet tal-annimali.
Matul dan il-podcast Alicia Bugeja Said tenniet kif din il-klinika se tkun qed topera mit-8.00 ta’ filgħaxija sat-8.00 ta’ filgħodu. U li aktar tard din is-sena, wara li ilu 27 xahar magħluq, se jkun qed jiftaħ l-Isptar tal-Annimali f’Ta’ Qali. Ironikament Bugeja Said tenniet kif dak li l-Gvern iwiegħed iwettaq … iżda ‘l fuq minn sentejn wara … wara tant wegħdiet .. xorta waħda għadu ma fetaħx.
Min-naħa tagħha, ix-Shadow Minister għall-Ħarsien tal-Annimali, Janice Abela Chetcuti qalet kif b’riżultat tan-nuqqas ta’ dawn is-servizzi essenzjali, fl-aħħar xhur smajna b’numru ta’ każijiet fejn il-familji spiċċaw tilfu l-pet tagħhom għax ma kienx hawn il-klinika u l-isptar joperaw. Hija staqsiet jekk din il-klinika hux se jkollha l-permessi kif suppost – għax f’Malta l-unika post li setgħa jiftaħ billejl u binhar u annimal setgħa jiġi rikoverat f’dan il-post, kien proprju l-isptar f’Ta’ Qali u minn dakinhar l-hawn. U qalet kif minn meta waqaf jopera, d-direttorat tal-annimali qabad l-annimali kollha li nstabu u tefgħahom fi klinika li nħarġilha tender ta’ malajr.
Minkejja li se tkun qed tinfetaħ din il-klinika, il-poplu Malti u Għawdxi qed jibqa’ jistenna li l-Gvern iħabbar eżattament meta se jerġa’ jibda jopera mill-ġdid l-Isptar f’Ta’ Qali, 24 siegħa kuljum – sabiex ikollhom serħan il-moħħ li l-benesseri tal-annimali tagħhom ikunu ta’ prijorita.
//= $special ?>
