Futbol Sport

Macclesfield jaħsdu lill-holders Crystal Palace… Manchester City jumiljaw lil Exeter

Fl-Ingilterra fl-FA Cup Macclesfield ħasdu lill-holders Crystal Palace meta eliminaw bl-iskor ta’ 2-1.  Macclesfield immexxija minn John Rooney, ħu l-eks plejer Ingliż Wayne Rooney, marru fil-vantaġġ fit-43 minuta b’gowl ta’ Paul Dawson. Fis-60 minuta Macclesfield irdoppjaw b’gowl ta’ Isaac Buckley-Ricketts. Yeremy Pino naqqas id-distakk għal Crystal Palace fid-90 minuta, liema gowl ma kienx biżżejjed, bil-partitarji ta’ Macclesfield jinżlu fil-pitch fost iċ-ċelebrazzjoni tagħhom.

F’partita bejn żewġ timijiet mill-Premier League Sunderland għelbu lil Everton bl-għoti tal-penalties wara li l-partita intemmet fl-iskor ta’ 1-1. Protagonist għal Sunderland il-goalkeeper Robin Roefs li salva l-ewwel tliet penalties ta’ Everton biex aċċerta minn kwalifikazzjoni għal Black Cats.

Fl-Etihad Stadium riżultat umiljanti hekk kif Manchester City għelbu lil Exeter City bl-iskor ta’ 10-1. Il-gowls għal Man City waslu minn Max Alleyne, Rodri u żewġ awto-gowls ta’ Jake Doyle Hayes u Jack Fitzwater fl-ewwel taqsima. Fit-tieni taqsima imbagħad skorjaw għal City Rico Lewis, id-debuttant Antoine Semenyo, Tijani Reinders, Nico O’Reilly, Ryan McAidoo u Rico Lewis, bil-gowl ta’ Exeter ikun skorjaw minn George Birch.

F’St’James’ Park Newcastle ukoll għamluha għar-round meta għelbu lil Bournemouth wara l-għoti tal-penalties, bil-partita tintemm fi skor ta’ 3-3. Newcastle fil-vantaġġ fil-50 minn Harvey Barnes, b’Bournemouth jirrispondu b’gowls ta’ Alex Scott u David Brooks. Anthony Gordon kiseb id-draw minn penalty fil-ħin addizjonali. Harvey Barnes reġa’ poġġa’ lil Newcastle fil-vantaġġ fil-118-il minuta b’Marcus Tavernier jikseb id-draw fil-120 minuta. Fl-għoti tal-penalties protagonist Aaron Ramsdale li salva tliet penalies u poġġa’ lil Newcastle fir-round li jmiss.

Tottenham ukoll sfaw eliminati mill-FA Cup wara li kienu megħluba f’darhom minn Aston Villa bl-iskor ta’ 2-1. Aston Villa fetħu l-iskor fit-22 minuta b’gowl ta’ Emiliano Buendia, b’Morgan Rodgers jirdoppjaw fil-ħin mogħti żejjed tal-ewwel taqsima, wara azzjoni maħduma tajba. Tottenham naqqsu d-distakk fl-54 minn Wilson Odobert, li madanakollu ma kienx biżżejjed biex iwettqu r-reazzjoni mixtieqa.

FA CUP
Ilbieraħ
: Cheltenham v Leicester 0-2, Everton v Sunderland 1-1(p), Macclesfield v C’Palace 2-1, Wolves v Shrewsbury T. 6-1, Boreham W. v Burton A. 0-5, Burnley v Milwall 5-1, Doncaster v Southampton 2-3, Fulham v Middlesbrough 3-1, Ipswich T. v Blackpool 2-1, Man City v Exeter City 10-1, Newcastle v Bournemouth 3-3 (p), Sheff. Wed. v Brentford 0-2, Stoke v Coventry City 1-0, Bristol City v Watford 5-1, Cambridge v Birmingham 2-3, Grimsby T. v Weston SM. 3-2, Spurs v Aston Villa 1-2, Charlton A. v Chelsea tard.