Lokali Qorti

Sentejn ħabs sospiżi għal ġuvni li hedded lit-tfajla

Żagħżugħ ta’ 26 sena minn Marsaxlokk ngħata sentenza ta’ sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li ammetta li hedded lill-eks sieħba tiegħu u beżżagħha, kif ukoll li kkaġunalha ħsara fil-karozza tagħha.

Bradley Carl Cassar kien akkużat li fit-8 ta’ Jannar li għadda hedded lit-tfajla, saħansitra li joqtolha, wara argument li żvolġa meta hi żebgħet xagħarha isfar.

L-Ispettur Sherona Buhagiar qalet lill-Qorti li l-vittma rrapportat il-każ fit-Taqsima tal-Vjolenza Domestika u spjegat kif, wara l-argument, Cassar allegatament attakkaha u kompla jsegwiha meta telqet mid-dar.

Fil-Qorti, il-vittma qalet li huwa pprova jġiegħlha tiftaħ it-tieqa tal-karozza u beda jsabbat bil-ponn fuq il-vettura, u b’hekk inkisret il-mera.

Id-difiża qalet li dan kien episodju wieħed u li ordni ta’ protezzjoni għandha tkun biżżejjed, bil-prosekuzzjoni taqbel u tisħaq li għadhom jitħallsu d-danni.

Il-Maġistrat Antoine Agius Bonnici kkundannah sentejn priġunerija sospiżi għal erba’ snin, kif ukoll ħareġ ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma u ordnalu jħallas €200 għalll-ħsarat fil-vettura.