Lokali Qorti

Sentenza sospiża għal raġel li baqa’ jiffitta lill-eks sieħba tiegħu

Serb ta’ 24 sena residenti s-Swieqi ngħata sentenza ta’ sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li ammetta li baqa’ jsegwi u jdejjaq lill-eks sħieba tiegħu minkejja li r-relazzjoni tagħhom kienet intemmet.

Damjan Grubic, li bħalissa jinsab bla xogħol, tressaq il-Qorti akkużat li bejn l-24 u s-27 ta’ Diċembru kiser kundizzjonjiet imposti mill-Qorti marbuta ma’ ordni ta’ protezzjoni maħruġa favur il-vittma.

Fil-Qorti, l-Ispettur Sherona Buhagiar spjegat li fit-27 ta’ Diċembru, l-mara għamlet rapport lill-Pulizija, fejn allegat li għalkemm ir-relazzjoni kienet ilha li ntemmet 9 xhur, hu baqa’ jiffitta u jersaq lejha.

Skont ir-rapport, minkejja l-ordni ta’ protezzjoni, Gurbic kien jidher fuq il-post tax-xogħol tagħha u jipprova jkellimha, anke wara li talbitu b’mod ċar biex jieqaf jipprova jagħmel kuntatt magħha.

Il-Maġistrat Antoine Agius Bonnici sabu ħati u impona sentenza sospiża, sentejn ħabs li tidħol fis-seħħ jekk jikkommetti reat ieħor matul l-erbgħa snin li ġejjin.