Żewġ ġirien li jgħixu fl-istess blokk ta’ appartamenti fil-Fgura ġew miċħuda l-libertà provviżorja wara li tressqu l-Qorti b’rabta ma’ argument fuq storbju li eskala f’ġlieda fiżika fuq il-bejt tal-binja. Johnny Cassar ta’ 41 sena u Mark Bugeja ta’ 43 sena tressqu separatament quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea, il-Ġimgħa filgħaxija, fejn it-tnejn wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.
Il-Qorti semgħet kif il-Pulizija ġiet infurmata għall-ħabta tat-3.45 ta’ filgħodu tas-7 ta’ Jannar dwar argument bejn ġirien f’Paola li rriżulta f’persuni midruba. Malli marru fuq il-post, l-uffiċjali sabu lil Cassar mal-art fl-ewwel sular f’għadira demm, filwaqt li ftit ‘il fuq innutaw lil Bugeja u lis-sieħba tiegħu, it-tnejn b’feriti f’wiċċhom. Preżenti wkoll kien hemm is-sieħba ta’ Cassar, bil-paramediċi jagħtu l-għajnuna lill-midruba.
L-Ispettur Francesca Calleja xehdet li kien hemm tiċpis ta’ demm mat-taraġ u mal-ħitan sal-bejt tal-blokk. Mill-investigazzjonijiet irriżulta li Cassar u s-sieħba tiegħu semgħu storbju ġej mill-bejt u telgħu jaraw x’kien qed jiġri, b’Cassar iġorr miegħu ‘air gun’ li kienet liċenzjata u bla munizzjon. Fuq il-bejt sabu lil Bugeja u lis-sieħba tiegħu, fejn qam argument li malajr eskala f’konfront fiżiku.
Il-prosekuzzjoni sostniet li l-arma tal-arja ma ntużatx, iżda allegat li Bugeja qabad oġġett jaqta’ u bil-ponta u użah kontra Cassar, li allegatament irritalha. Skont iċ-ċertifikati mediċi, Cassar u Bugeja sofrew ġrieħi ħfief, filwaqt li s-sieħba ta’ Bugeja sofriet ġrieħi gravi.
Cassar ġie arrestat meta rrapporta fl-Għassa ta’ Paola fit-8 ta’ Jannar, u ġie kkonfermat fil-Qorti li ma nstab l-ebda munizzjon fl-appartament tiegħu. Bugeja ddaħħal l-isptar għal aktar testijiet, ġie rilaxxat mill-arrest u reġa’ ġie arrestat aktar tard dakinhar.
Cassar, li jaħdem bħala deckhand, ġie akkużat li kkaġuna ġrieħi gravi lil Bugeja u lis-sieħba tiegħu, li hedded u attakka lill-koppja, li kiser il-paċi pubblika u li kkaġuna biża’ li tintuża l-vjolenza. Min-naħa tiegħu, Bugeja, accountant, ġie mixli li kkaġuna ġrieħi gravi lil Cassar bl-użu ta’ arma li taqta’ u bil-ponta, kif ukoll b’attakk, theddid u tfixkil tar-ripost tal-abitanti. It-tnejn ċaħdu l-akkużi.
Id-difiża ta’ Cassar talbet il-ħelsien mill-arrest, bil-Avukat Dustin Camilleri jgħid li l-klijent tiegħu seta’ joqgħod għand ommu u li kien persuna impjegata, missier ta’ tifel ta’ seba’ snin u li kkoopera bis-sħiħ mal-Pulizija.
Il-prosekuzzjoni, immexxija mill-Avukat tal-AĠ Miriayah Borg, oġġezzjonat minħabba biża’ reali ta’ tbagħbis tal-provi u xhieda ċivili li għad iridu jixhdu. Għalkemm l-avukat ta’ Bugeja ma oġġezzjonax għall-bail ta’ Cassar sakemm ma jkunx hemm kuntatt bejniethom, il-Qorti xorta ċaħdet it-talba.
Fil-każ ta’ Bugeja, id-difiża talbet ukoll il-libertà provviżorja u argumentat li l-akkużat ma kellux kondanni preċedenti u kien lest josserva kwalunkwe kundizzjoni. Il-Qorti laqgħet talba biex jinħatar espert mediko-legali biex jeżamina l-ferita f’għajn Bugeja u ordnat ukoll ordnijiet ta’ protezzjoni favur iż-żewġ koppji.
Madankollu, il-Maġistrat ċaħdet il-libertà provviżorja għaż-żewġ irġiel, filwaqt li nnutat li dak li beda bħala argument fuq storbju eskala f’ġlieda vjolenti serja. Bugeja nfexx jibki fil-Qorti hekk kif tħabbar li kien se jinżamm arrestat, u l-Qorti rrakkomandat li ż-żewġ imputati jinżammu separati fil-ħabs.
L-Avukat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Miriayah Borg mexxiet il-prosekuzzjoni bl-assistenza tal-Ispettur tal-Pulizija Francesca Calleja. Għal Mark Bugeja dehru l-avukati Franco Debono u Marion Camilleri, filwaqt li għal Johnny Cassar deher l-avukat Dustin Camilleri.
//= $special ?>

