Lokali

“Ebda ċensura mill-Gvern fuq l-Oppożizzjoni mhi se tkun aċċettata” – PN

Il-kunsillieri lokali tal-Partit Nazzjonalista Roberta Bonello Felice, Leone Sciberras u Mark Lombardo li jffurmaw parti mir-Reġjun tal-Port jiddeploraw l-aġir tal-Gvern fil-konfront tax-Shadow Minister għall-Gvern Lokali Bernice Bonello.

Dan hekk kif dalgħodu ħarġet l-aħbar li fil-ġranet li għaddew l-Gvern ordna li waqt il-ftuħ tas-Sena Kulturali tar-Reġjun Port, il-kelliema tal-Oppożizzjoni għall-kunsilli lokali titneħħa mill-programm tal-ftuħ u ma titħalliex titkellem.

Dan l-aġir joħloq kuntrast kbir ma’ dak li kien jiġri fi żmien Gvern Nazzjonalista meta f’kull attività tal-kunsilli lokali, l-Oppożizzjoni Laburista ta’ dak iż-żmien kienet dejjem tiġi mistiedna mill-Gvern Nazzjonalista biex tkun parti minn kull ċerimonja li kien ikun hemm f’dan il-qasam.

Minkejja l-kliem sabiħ tal-Gvern Laburista li bħas-soltu jgħid ħaġa u jagħmel bil-maqlub, jidher li l-Labour għadu ma fehemx li l-kunsill lokali mhumiex xi dipartiment tal-gvern li jista’ jikkontrolla kif irid, iżda huma gvernijiet lokali li jgawdu awtonomija hekk kif stipulat fil-liġi li tirregola l-kunsilli lokali.

Minkejja din iċ-ċensura li qed jagħmel il-Gvern fuq l-Oppożizzjoni Nazzjonalista, ebda aġir bħal dan mhu se jaqta’ qalb il-kunsillieri Nazzjonalisti milli jkomplu jaħdmu favur ir-residenti tagħhom.

Fl-aħħar nett, il-kunsillieri lokali Nazzjonalisti li jiffurmaw parti mir-Reġjun Port juru solidarjetà max-Shadow Minister għall-Gvern Lokali Bernice Bonello kif ukoll jawguraw kull suċċess lir-Reġjun Port għal din is-sena fl-attivitajiet kulturali li se jkunu organizzati.

Fiċ-ċirkostanzi, il-kunsillieri tal-PN tar-Reġjun Port iddeċidew li jibbojkottjaw l-attività li se issir iktar tard llum.

Dan intqal fi stqarrija minn Roberta Bonello Felice, Rappreżentant Distrettwali, Kunsillieri Lokali PN tal-Ewwel Distrett, Leone Sciberras,Rappreżentant Distrettwali, Kunsillieri Lokali PN tat-Tieni Distrett u Mark Lombardo, Rappreżentant Distrettwali, Kunsillieri Lokali PN tar-Raba’ Distrett