Internazzjonali

Ħuġġieġa ta’ rabja u protesti wara l-qtil tal-mara f’Minnesota

Il-qtil ta’ Renee Nicole Good, omm ta’ żewġt itfal, fil-belt ta’ Minneapolis, qajjem xokk kbir fost l-Amerikani, bis-sitwazzjoni anki għandha tħalli riperkussjonijiet politiċi kbar għat-tul taż-żmien.

Dan meta r-residenti f’Minneapolis u għexieren ta’ eluf oħra ta’  Amerikani qegħdin jgħidu li l-Amministrazzjoni f’Washington u l-Viċi-President Amerikan JD Vance qed jagħmlu minn kollox biex jiskolpaw lill-uffiċjal responsabbli. Akkuża oħra hi li l-Amministrazzjni trid tpitter lill-vittma ta’ 37 sena fl-agħar dawl possibbli bl-iskop li tippreżentaha bħala l-aggressur u persuna li riedet tqajjem l-inkwiet.

Fl-istess ħin, it-tensjoni fil-belt ta’ Minneapolis u l-madwar kompliet tirranka wara l-qtil tal-mara, b’talanqas 30 persuna jispiċċaw arrestati waqt il-protesti ta’ tmiem il-ġimgħa

Id-dimostranti qed jinsistu wkoll li l-Gvern tal-President Donald Trump, aktar milli jwettaq investigazzjoni bir-reqqa biex issir il-ġustizzja, qed jipprova jitfa’ il-bżar f’għajnejn il-poplu fost l-isforzi biex idawwar il-fatti.

L-Amministrazzjoni ta’ Trump, fuq naħa, qed tgħid li l-aġent tal-ICE kien kostrett li jispara għall-mara biex jiddefendi ruħu, waqt li n-nies li raw b’għajnejnhom dak li seħħ tassew, flimkien mal-eluf tad-dimostranti, qed jinsistu li Renee Nicole Good ma kienet qed thedded  lil ħadd u li hi kienet qed iddawwar il-karozza tagħha ‘il hinn mill-aġenti tal-ICE u mhux fid-direzzjoni tagħhom.

Sadanittant, qed isiru wkoll il-protesti kontra l-ICE f’diversi bnadi oħra tal-Istati Uniti, fosthom l-ibliet ta’ Austin, Seattle, New York u Los Angeles. Dan waqt li l-awtoritajiet f’Minnesota qed jinsistu li d-dimostrazzjonijiet ta’ protesti li saru s’issa tmexxew bil-kwiet u b’rispett għall-ordni minkejja s-sens qawwi ta’ rabja. In-nies  li qed jieħdu sehem fid-dimostrazzjonijiet qed ikunu armati bis-sfafar u t-tamborlini huma u jsejħu biex issir  ‘il-ġustizzja’ b’rispett għall-memorja ta’ Renee Nicole Good.

Il-pulizija, intant, irrappurtaw inċidenti fejn xi nies waddbu s-silġ u l-ġebel lejhom u lejn il-vetturi tagħhom iżda mhux mifhum li weġġa xi ħadd waqt l-imsemmija konfronti.

Sadanittant, id-Demokratiċi eletti għall-Kungress Amerikan qed jakkużaw lid-Dipartiment tal-ICE kif ukoll lid-Dipartiment tal-Homeland Security b’li qed ifixklu lill-membri tal-istess Kungress mid-doveri tagħhom biex iħarsu s-sigurtà u l-istabbilità fl-Istat ta’ Minnesota.