“Dan hu l-Mument li l-Partit Nazzjonalista jkompli jkun ta’ tama għall-poplu Malti u Għawdxi kollu għaliex huwa biss il-Partit Nazzjonalista li qed jaħdem fl-interess tal-poplu kollu.”
Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt l-ewwel attività politika għal din is-sena li saret fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista fejn fost l-oħrajn tkellem dwar is-sitwazzjoni tal-housing, il-konnettività bejn iż-żewġ gżejjer, l-importanza tad-dikjarazzjoni tal-assi kif ukoll in-nuqqas ta’ investiment fl-infrastruttura.

B’rabta mal-ewwel mitt jum tiegħu bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista, Alex Borg qal li kienu ddominati minn kuntatt kontinwu man-nies kif ukoll iffukaw fuq il-ħidma bil-għan li jintlaħqu l-wegħdiet li saru għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi kollu. Huwa spjega wkoll li għamlu ristrutturar intern fejn żdiedu numru ta’ rwoli fosthom ta’ Kap Eżekuttiv.
Alex Borg fakkar ukoll li fil-100 jum tiegħu ssottometta l-accounts tal-Partit Nazzjonalista. Huwa qal li matul l-2026 il-Partit Nazzjonalista se jkompli bil-ħidma tiegħu sabiex ikun Gvern alternattiv b’saħħtu.

Mistoqsi fuq it-timbru ta’ Gvern Laburista, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern kellu tajjeb u l-ħażin tiegħu iżda fakkar ukoll li Gvern Laburista wassal għal splużjoni fil-popolazzjoni mingħajr ma ħaseb fit-tul u mingħajr ma nvesta fl-infrastruttura. Dan apparti d-dewmien li wieħed jesperjenza l-isptar għaliex mhux ilaħħaq mad-domanda. Huwa fakkar f’dak li kien qal ġimgħat ilu, propju li jpoġġu madwar l-istess mejda u jħejju pjan effettiv tat-trasport tal-massa fejn anke jekk jinbidel il-Gvern il-proġetti jibqgħu għaddejjin kif pjanat.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar li Gvern Nazzjonalista kien daħħal numru ta’ niċeċ ekonomiċi ġodda u hawnhekk saħaq li preżentament hawn diversi opportunitajiet ta’ niċeċ ekonomiċi ġodda.
B’rabta mad-dikjarazzjoni tal-assi huwa qal li l-Gvern ta’ Robert Abela qed ikompli juri nuqqas ta’ trasparenza dan filwaqt li mossa bħal din toħloq dubji serji b’rabta mal-assi tal-Ministri. Huwa qal il-fatt li l-Gvern irid jabolixxi li l-Ministri jiddikjaraw l-assi tagħhom qed turi nuqqas ta’ trasparenza u n-nuqqas ta’ governanza tajba.
Mistoqsi fuq is-sitwazzjoni tal-Ministru Roderick Galdes, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-aġir ta’ Galdes qed juri li kien qed jaħseb biss fih innifsu u ma kienx qed jaħseb fil-poplu Malti u Għawdxi – poplu li qed jaffaċċja sfida sabiex jixtri l-propjetà. Hawnhekk, huwa saħaq li l-Partit Nazzjonalista ma jrid jara lil ħadd jitħalla lura u għalhekk se jkompli jaħdem sabiex il-poplu jkollu kwalità ta’ ħajja aħjar.




