Sport

Kampjonat BOV Irġiel: Athleta AtoZ b’rebħa importanti fil-ġlieda għall-play-offs

Ritratt: Elton Sant

Colin Schembri

Athleta AtoZ 73Luxol Sherries Estates 73

(18-19)(17-21)(22-17)(10-10)(9-6)

Athleta AtoZ kisbu rebħa importanti ta’ 76–73 kontra Luxol wara l-ħin barrani f’partita bilanċjata ħafna li baqgħet miftuħa sal-aħħar. Luxol kellhom prestazzjoni pożittiva fl-ewwel dehra ta’ Xavier Brewer f’Malta, li spikka b’38 punt u 16-il rebound f’wirja individwali qawwija li żammet lit-tim tiegħu fil-logħba sal-aħħar sekondi.

Athleta wieġbu b’logħob aktar kollettiv, b’vantaġġ fil-fast breaks (23 kontra 10) u kontroll aħjar tal-mumenti deċiżivi fl-overtime. Minkejja l-impatt ta’ Brewer, Luxol ma rnexxilhomx jikkapitalizzaw biżżejjed, hekk kif Athleta żammew il-kalma u għalqu l-partita favur tagħhom. Athleta għadom mingħajr Wesley Jordan filwaqt li Luxol kellhom tibdil sostanzjali. Huma temmew il-kuntratt ta’ Burke Smith u tilfu lil Nathan Xuereb b’injury fit-tul. Posthom ħaduh l-akkwisti l-ġodda Amerikani Darron Howard li diġà kien hawn l-istaġun li għadda u Xavier Brewer u rreġistraw ukoll lil Nikola Vasovic mingħand Valletta.

Duane Goodmand beda tajjeb ħafna għall-Athleta li marru fuq quddiem 10-3 bil-punti tiegħu. Luxol wieġbu permezz ta’ Stefano Marra u l-ewwel punti ta’ Brewer li fis-seba’ minuta kellu wkoll trippla li naqqset id-distakk għal basket. Luxol marru fuq quddiem għall-ewwel darba fl-aħħar żewġ minuti wara żewġ trippli ta’ Vasovic u rnexxielhom iżommu vantaġġ ta’ punt fi tmiem is-sessjoni 19-18.

Fit-tieni perjodu, iż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin u basket ta’ Luca Borg poġġa lil Athleta fuq quddiem 26-24 fir-raba’ minuta. Hawn Luxol kellhom mument tajjeb bi 8 punti mingħajr risposta qabel ma Athleta wieġbu permezz ta’ Juan Cefai li kellu trippla. Brewer u Vasovic għamlu l-aħħar punti għal Luxol li daħlu jistrieħu 40-35 minn fuq.

Wara xi minuti bla punti fit-tielet taqsima, trippla fuq kull naħa minn Ebelashvili u Brewer ħalliet lil Luxol sitta minn fuq. F’nofs is-sessjoni, trippla ta’ Bonett u azzjoni ta’ tliet punti minn Goodman poġġew lill-Athleta fuq quddiem 45-44. Minn hemm ‘il quddiem il-vantaġġ beda jdur kontinwament grazzi wkoll għal diversi three pointers fuq kull naħa fosthom minn Duffy u Ebelashvili għall-Athleta u Brewer, Cappello u Howard għal Luxol. It-taqsima għalqet fuq parita ta’ 57-57 biex ir-rebħa riedet tiġi deċiża fl-aħħar 10 minuti.

L-aħħar taqsima, però offriet 20 punt, 10 fuq kull naħa li fissru l-ħtieġa tal-ħin barrani. Athleta kellhom żewġ trippli minn Ebelashvili u Duffy u fetħu vantaġġ ta’ 5 punti 67-62. Luxol ma ċedewx u ġew lura permezz ta’ Cappello u Marra u ppareġjaw 67-67.

Fil-ħin barrani l-vantaġġ beda jinbidel kontinwament hekk kif xi players spiċċaw ukoll fouled out. Luxol marru tliet punti minn fuq 73-70 però Goodman u Ebelashvili poġġew lil Athleta fuq quddiem fl-aħħar 33 sekonda. Minkejja li Luxol naqqsu d-distakk għal punt u kellhom ukoll l-aħħar pussess tal-partita, ma rnexxielhomx jerġgħu jaqilbu r-riżultat biex Athleta ħadu r-rebħa 76-73.

Athleta AtoZ: K. Fabri, M. Duffy 9, S. Ebelashvili 16, R. Vitale 4, I. Bonnett 8, D. Goodman 31, M. Spiteri, I. Medved, L. Borg 2, J. Cefai 6.

Luxol Sherries Estates: D. Howard 9,  A. Azzopardi, I. Azzopardi, N. Vasovic 8, J. Johnson 1, M. Brincat, X. Brewer 39, S. Capello 10, S. Marra 6, E. Fenech Pace.

Referees: Fiorentina Ciurariu, Wendell Lim, Bernard Vassallo.

Valletta Dream 42

Hibernians 150

(12-41)(7-38)(6-39)(17-32)

Hibernians iddominaw kompletament kontra Valletta f’rebħa kbira ta’ 150–42, partita li kienet taħt il-kontroll tagħhom tul l-40 minuta kollha.

Il-Pawlisti skorjaw 84 punt fiz-zona, 71 punt mill-fast breaks u 57 punt minn turnovers, filwaqt li ddominaw ukoll fir-rebounds (66 kontra 23). Valletta sabu ruħhom dejjem fuq wara u qatt ma rnexxielhom ilaħħqu mar-rittmu u l-pressjoni kontinwa ta’ Hibs.

Valletta kellhom tibdil konsiderevoli mill-aħħar ħarġa fejn biddlu l-barranin tagħhom u minflok Eugene Campbell u Tyler Murray issa għandhom lil Albert Varcallo u Roper Miles. Huma nkludew ukoll players lokali ġodda bħal Luca Vella u Clayton Debono.

Hibs, minn naħa tagħhom reġgħhu inkludew lil Luke Farrugia u rkupraw lil Matthew Gouder. It-tim tal-Hibs iddomina l-partita mill-ewwel minuti fejn bdew b’run qawwija ta’ 26-5 fejn kellhom punti kontinwi minn Deonte Jackson, Ivan Demcesen u Neil Cassar. Valletta ftit setgħu jaqbdu art u Hibs komplew jiddominaw bi break ta’ 15-4 għal skor ta’ 41-12.

L-andament tal-partita baqa’ l-istess fit-tieni taqsima speċjalment b’run ta’ 18-0 bi trippli minn Ayo Ajiboye u baskets ta’ Piotr Stelmach. Valletta waqqfuhom b’basket ta’ Miles, però Hibs għamlu break ieħor ta’ 11-0 biex daħlu jistrieħu b’vantaġġ qawwi ta’ 60 punt 79-19.

Ftit li xejn inbidel mill-andament tal-partita fiż-żewġ sessjonijiet ta’ wara. Hibs bdew it-tielet sessjoni b’run ta’ 13-0 u għaqqdu l-mitt punt fil-ħames minuta b’basket ta Ajiboye. L-ewwel basket ta’ Valletta ġie fit-tmien minuta minn Kieron Caruna hekk kif Hibs għalqu t-taqsima bi trippla ta’ Jackson għal skor ta’ 118-25.

Ftit li xejn kien hemm interess fl-aħħar taqsima ħlief għall-iskor finali li finalment ra lil Hibs joħorġu rebbieħa 150-42 f’wieħed mill-akbar skors fl-istorja riċenti tal-basketball lokali.

Valletta Dream: F. Mifsud Bonnici 4, L. Vella, K. Caruana 10,  S. Vincic, R. Miles 13, F. Lisondra 7, C. Debono 2, A. Varcallo 4, M. Rieger 2.

Hibernians: N. Cassar 8, E. Simmons 19, A. Ajiboye 29, L. Attard 2, L. Farrugia 2, P. Stelmach 11, V. Kustudija 2, M. Gouder 7, D. Jackson 40, M. Attard 10, I. Demcesen 14, S. Simic 6.

Referees: Gordon Barbara, Jacques Siefert, Bernard Vassallo.

Starlites Revive 87

The Plaza Depiro 70

(14-19)(25-23)(23-20)(25-8)

Sas-sitt minuta tat-tielet sessjoni, The Plaza Depiro dehru li jistgħu ikunu l-ewwel tim li jegħleb lil Starlites Revive dan l-istaġun meta kienu 60-48 minn fuq. Minkejja żvantaġġ ta’ 12-il punt però, Starlites ħarġu l-aqwa tagħhom minn hemm ‘il quddiem fejn mhux biss ippareġjaw sa tmiem is-sessjoni iżda ħadu l-partita f’idejhom fl-aħħar waħda biex ħarġu rebbieħa 87-70 u żammew l-ewwel post tal-klassifika bla telfa.

Depiro kellhom aktar minn 24 minuta fejn kienu fil-vantaġġ, però dan ma kienx biżżejjed għalihom. Depiro kellhom player Amerikan ġdid fil-formazzjoni tagħhom, Felix Uadiale filwaqt li kien nieqes Luca Stefanovic. Għal Starlites baqa’ nieqes Jackson Threadgill li kien biss spettatur fuq il-bank.

Wara l-ewwel basket tal-partita minn Travis Fee, Depiro wieġbu bi break ta’ 10-0 bil-punti ta’ Cameron Cornelius u Trevon Reddish. Starlites wieġbu bil-punti ta’ Musa Jallow, però Depiro kellhom trippla minn Jean Paul Schembri. Starlites irrispondew bil-punti ta’ Miguel Fabri u Matthew Scerri, però Depiro temmew il-perjodu 19-14 minn fuq.

It-tieni taqsima fetħet bi trippla ta’ Cornelius, però Starlites kellhom mument tajjeb bi break ta’ 9-2 bi trippla ta’ Jayden Iturmendi u marru minn fuq 25-24. Huma żammew il-vantaġġ għal xi minuti wara trippla minn Scerri, però Depiro rkupraw u reġgħu marru minn fuq bil-punti ta’ Cornelius u Uadiele. Depiro temmew it-taqsima b’żewġ trippli ta’ Nikola Bozovic biex daħlu fuq quddiem 42-39.

Azzjoni ta’ tliet punti minn Scerri fl-ewwel 10 sekondi tat-tielet sessjoni ġabet l-iskor indaqs 42-42. Depiro kellhom żewġ trippli wara xulxin minn Cornelius u Galea u run ta’ 9-0 rathom jiftħu vantaġġ massimu ta’ 12-il punt 60-48. Ir-reazzjoni ta’ Starlites kienet immedjata u fi spazju ta’ ftit minuti naqqsu d-distakk għal 3 punti 57-60. Starlites komplew bir-rimonta tagħhom u trippla ta’ Threadgill għalqet it-taqsima fuq parita ta’ 62-62.

L-aħħar sessjoni kienet bil-maqlub tat-tlieta ta’ qabel fejn Starlites ħarġu l-aqwa tagħhom hekk kif bdew bi break ta’ 14-0 bi trippli minn Alec Felice Pace u Jallow flimkien ma’ Threadgill biex marru 76-62 minn fuq. Depiro ippruvaw jerġgħu jirkupraw bi trippla ta’ Schembri u basket ta’ Bozovic, però l-ħin kien kontrihom u Starlites għalqu l-partita bi break ieħor ta’ 7-2 u ħarġu rebbieħa 87-70.

Starlites Revive: A. Felice Pace 7, K. Fabri, T. Fee 19, A. Aquilina 2, G. Camilleri, I. Felice Pace 2, M. Fabri 2,  Z. Said Hollier, M. Scerri 17, J. Iturmendi 16, M. Jallow 22.

The Plaza Depiro: S. Galea 8, T. Reddish 16, J. Micallef, N. Zivkovic, JP Schembri 6, A. Trapani, M. Sammut, C. Cornelius 17, F. Uadiale 1, N. Bozovic 22.

Referees: Bernard Vassallo, Zvezdan Dobrosaviljevic, Andre Attard.