Il-protesti tal-massa mifruxin madwar l-Iran qed ikunu xprunati minn emerġenza ta’ inflazzjoni li ħalliet impatt terribbli fost il-familji Iranjani….U d-dimostrazzjonijiet kontra l-Ayatollah Ali Khamenei u r-reġim tiegħu qed iżidu fl-intensità fost il-ġlied bejn il-folol u l-pulizija f’Tehran u madwar 100 belt ieħor f’kull provinċja tal-Iran.
Bħalissa, l-aktar għajta li qed tidwi f’Tehran u ‘il hinn minnha – hi għat-tmiem tat-tmexxija tirannika ta’ Ali Khamenei…Tmexxija li ilha s-snin karatterizzata bil-qtil, ripressjoni u priġunerija.
Fi tmiem il-ġimgħa komplew jispikkaw id-dimostrazzjonijiet tal-massa kontra Khamenei – bl-eluf tal-Iranjani joħorġu jisfidaw lir-reġim minkejja r-rapporti li kienu qed jiddaħħlu l-għexieren tal-katavri fl-eqreb sptarijiet tal-inħawi fejn kienu qed isiru l-protesti.
Ir-reġim ta’ Khamenei, sadanittant, qed iżid l-azzjonijiet brutali fil-konfront tad-dimostranti – bl-Avukat Ġenerali tal-reġim, Jafar Montazeri, joħroġ stqarrija biex iwissi lill-poplu li kulmin joħroġ jipprotesta għandu jkun ikkunsidrat bħala għadu ta’ Alla…Akkuża li tista’ twassal għall-piena tal-mewt.
Sadanittant, l-Istati Uniti qed issegwi b’attenzjoni l-iżviluppi f’Tehran u meta l-President Amerikan, Donald Trump hedded mill-ġdid li jattakka lill-Iran bil-mezzi militari kollha jekk kemm-il darba jibqgħu jinqatlu n-nies waqt dawn il-protesti.
L-Iran, fl-istess ħin, wieġeb li f’sitwazzjoni fejn jisfa mira tal-Istati Uniti. ir-reġim Iżlamiku u l-Gwardja Nazzjonali li qed jappoġġja lil Khamenei jirriservaw id-dritt li jattakkaw lil Iżrael kif ukoll lill-bażijiet militari kollha tal-Amerikani fir-reġjun.
L-Ayatollah Khamenei, sadanittant, qed jinsisti li mhix se tintwera ħniena mal-Iranjani li qed jipprotestaw fit-toroq biex, skont hu, jogħġbu lill-Amerikani.
U waqt li żdiedu l-protesti f-Iran qed jiżdiedu wkoll l-ammonti ta’ maqtula u midruba….Fil-fatt, żewġ gruppi favur id-drittijiet umani qed jgħidu li nqatlu ‘il fuq minn 150, fosthom membri tas-sigurtà Iranjani….Ċifra li tista’ tibbaża biss fuq stima konservattiva.
Dan meta l-istaff f’numru ta’ sptarijiet qalu li ma jistgħux ilaħħqu mal-ammont tal-midruba u katavri li qed jitwasslu kontinwament f’dawn il-kumplessi.
Sadanittant, l-organizzazzjonjiet tal-media internazzjonali huma projbiti milli jirrappurtaw mill-Iran – bir-reġim ta’ Khamenei qed jimponi shutdown totali għall-Internet…Sitwazzjoni li kompliet tikkumplika l-isforzi għall-kisba ta’ data u informazzjoni preċiża mill-Istat Iżlamiku.
//= $special ?>

