Lokali

Mara titlef ħajjitha wara li sabet ruħha f’diffikultà fil-baħar f’San Ġiljan

Mara ta’ 48 sena mill-Kirgiżistan tilfet ħajjitha wara li sabet ruħha f’diffikultà fil-baħar f’San Ġiljan.

L-inċident seħħ il-Ħadd waranofsinhar għall-ħabta tas-12:45 fil-Bajja ta’ San Ġorġ, San Ġiljan.

Il-Pulizija marret fil-post u minn stħarriġ preliminari rriżulta li żewġ nisa mill-Kirgiżistan u li għandhom 48 u 23 sena, sabu ruħhom f’diffikultà fil-baħar u ttellgħu l-art minn xi nies li kienu fil-viċinanzi.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku u membri tal-Protezzjoni Ċivili sabiex jassistu, u ambulanza ħadet liż-żewġ nisa l-Isptar Mater Dei.

Aktar tard, sfortunatament, il-mara ta’ 48 sena ġiet iċċertifikata li tilfet ħajjitha, filwaqt li l-persuna l-oħra tinsab f’kundizzjoni stabbli.

Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat Franco Agius li ħatar diversi esperti sabiex jassistu flinkjesta li ġiet appuntata.

L-investigazzjoni tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadha għaddejja.