Is-Sibt filgħaxija, 10 ta’ Jannar 2026, f’lejlet is-solennità tal-Magħmudija tal-Mulej, l-Arċisqof Charles Scicluna ċċelebra quddiesa li għaliha kienu mistiedna l-koppji li se jingħaqdu fis-sagrament taż-żwieġ matul din is-sena. Din il-quddiesa saret bis-sehem tal-Moviment ta’ Kana.
L-Arċisqof talab fuq il-koppji għarajjes biex l-imħabba tagħhom tkompli tikber u tissaffa waqt li qed jippreparaw għat-tieġ u ż-żwieġ tagħhom kif ukoll jitgħallmu jieħdu paċenzja b’xulxin u bl-imperfezzjoni ta’ xulxin minn issa u mhux mill-għada tat-tieġ. Saħaq fuq l-importanza li jitgħallmu jifirħu bil-persuna li se tkun l-għaxqa ta’ ħajjithom bħalma l-Mulej semma leħnu fuq ibnu meta tgħammed: “Dan hu ibni l-għażiż, li fih sibt l-għaxqa tiegħi” (Mt 17:5).
Tennilhom l-messaġġ tal-Milied lill-poplu Malti biex inaqqsu mill-użu tal-ismartphones. “Dan l-imbierek smartphone li għandna f’idejna. Il-ħin kollu nħarsu lejh. Inħarsu naqra lejn xulxin. Il-ħarsa tagħkom lejn xulxin trid tkun ta’ vera mhux virtwali. Jekk għandek bżonn tgħidilha xi ħaġa naqra iebsa stennija ftit ħa tħares lejn wiċċek mhux tibagħtilha messaġġ ivenven u dik titherra minn ġewwa għax ma fehmitx x’ridt tgħid jew hu ma fehemx x’riedet tgħid.” Ħeġġiġhom ukoll biex meta jkollhom xi jgħidu ma’ xulxin, jagħmlu paċi qabel jorqdu.




Tahom ukoll il-parir biex jagħmlu l-affarijiet ċari bejniethom u l-familji tagħhom u wissihom kontra l-indħil żejjed, “Nispera li jħallukom bil-kwiet. Patti chiari, amicizia lunga. (Ftehim ċar, ħbiberija fit-tul.) Il-bejta li se tagħmlu hija tagħkom, la tal-kunjata u lanqas tal-kunjatu.” Wissihom ukoll dwar it-tentazzjonijiet li jistgħu jiltaqgħu magħhom u biex ikunu sodi u ma jċedux għalihom. “Il-fedeltà tagħkom lejn xulxin (għal kulħadd qed ngħid) tridu takkwistawha u tiġġieldu għaliha kuljum: il-fedeltà fil-ħsieb, fil-kliem u fejn timxi l-qalb.”
L-aħħar ħsieb tiegħu kien li l-Mulej ikun parti minn ħajjithom u li jippreparaw għal żwieġ Nisrani permezz tal-qrar u t-tqarbin, li l-quddiesa tal-Ħadd tkun parti mir-rutina tagħhom u li jitolbu kuljum imqar li jgħidu ‘Sliema’ u ‘Qaddisa’ flimkien. Awguralhom li jgħixu dan kollu ħalli jekk il-Mulej iberikhom bl-ulied, “ikollkom mhux biss imħabba umana x’tagħtuhom, imma fidi sabiħa li tagħmilhom parti mill-familja tal-Mulej”.
//= $special ?>

