Fadal biss ftit ġimgħat minn meta suppost jinħatar Prim Imħallef ġdid – iżda Robert Abela għadu ma għamel l-ebda kuntatt ma’ Alex Borg sabiex jiġi diskuss min għandu jkun il-Prim Imħallef il-ġdid ta’ pajjiżna.
Skont il-Kostituzzjoni ta’ Malta, Prim Imħallef għandu jirtira ġaladabra jilħaq l-età ta’ 68 sena. U l-Prim Imħallef attwali Mark Chetcuti, jinsab propju ftit ġimgħat ‘l bogħod minn din l-età.
Iżda minkejja li din il-kariga tista’ timtela’ biss b’maġġoranza ta’ żewġ terzi fil-Parlament Malti, il-Prim Ministru Robert Abela għadu lanqas biss ikkuntattja lil Alex Borg sabiex jiġi diskuss min se jkun qed jitressaq quddiem il-Parlament għall-vot sabiex ikun il-Prim Imħallef il-ġdid fil-Qrati tagħna.
Dan kollu kien żvelat mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg f’intervista li saritlu minn The Malta Independent u li ġiet ippubblikata l-Ħadd. Fejn Alex Borg spjega li sa issa – minkejja li l-Prim Imħallef Chetcuti jagħlaq żmienu fi Frar – għadu ma ġiex ikkuntattjat mill-Prim Ministru sabiex ikun hemm qbil dwar il-Prim Imħallef li jmiss, jew sabiex tal-inqas ikun magħruf min se jkun qed jimbotta l-Gvern.
Fi kliem Alex Borg, din id-diskussjoni ma għandiex titħalla għall-aħħar, meta wieħed jikkunsidra l-importanza tal-kariga ta’ Prim Imħallef, fejn anke fakkar li l-ġustizzja hija propju s-sinsla tad-demokrazija f’pajjiżna.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega illi huwa kruċjali, li l-persuna li tintgħażel tkun waħda imparzjali sabiex il-ġustizzja verament issir b’mod ġust f’pajjiżna.
Fejn hu wera t-tama tiegħu li Robert Abela jkellmu f’qasir żmien dwar kariga li għandha bżonn appoġġ kemm mill-Gvern u anke mill-Opożizzjoni; dan anke sabiex jiġi evitat li jiġi affetwat ix-xogħol tal-Qorti.
F’din l-istess intervista, Alex Borg anke wiegħed, li ġaladarba l-Partit Nazzjonalista jkun fil-Gvern – b’differenza totali mill-Gvern Laburista, li ilu jaħbi d-dikjarazzjonijiet tal-assi għal xhur sħaħ – hu se jkun qed ireġġa’ lura l-pubblikazzjoni tal-assi minn naħa tal-membri tal-Kabinett tiegħu. Dan sabiex iżomm ma’ kellmtu fejn tidħol it-trasparenza.
//= $special ?>
