Lokali

Robert Abela jwaqqa’ l-kelma ta’ Jason Micallef

“Aħjar inkunu ċari man-nies, mhux ħa jaraw ħaxix jitla’ f’Jannar jew fi Frar”

Kienet din id-dikjarazzjoni li għamel il-Prim Ministru Robert Abela – fejn kontra totalment li qal l-esponent Laburista Jason Micallef – iddikjara li l-poplu Malti u Għawdxi mhux ħa jkun qed jara ħaxix fil-picnic area ta Ta’ Qali fiż-żmien li ġej, b’mod speċjali issa li se jibdew il-kunċerti.

F’intervista li saritlu mill-ġurnalist Yannick Pace mil-Lovin Malta, Abela waqqa’ għal kollox kliem l-esponent tiegħu, Jason Micallef li kien iddikjara li f’Diċembru u cioè – ġimgħat ilu, Ta’ Qali kellu jerġa’ jara l-ħaxix fil-picnic area.

Iżda issa, f’konferma ċara, il-poplu mhux ħa jkun qed jara ħaxix qabel ix-xitwa li jmiss – anke kif iddikjara l-Prim Ministru – ħabba l-kunċerti li jsiru. Turija ċara ta’ kemm il-proġetti tal-Gvern Laburista qed isiru bla pjan u bla viżjoni.

Robert Abela iddefenda l-fatt illi hu u l-Kabinett tiegħu ma ddikjarawx l-assi ministerjali tagħhom, dan għaliex – skont hu – huwa inġust li hemm differenza bejn l-assi meħtieġa bejn Ministru u membru parlamentari.

Għalhekk, huwa inħeba wara riforma li – skont hu – għaddejja dwar il-proċess tad-dikjarazzjoni tal-assi, dan filwaqt li – viżibilment skomdu – ħarab milli jwieġeb direttament dwar jekk hux se jkun qed jippubblika l-assi tiegħu u tal-Kabinett tiegħu, sakemm issir din ir-riforma.

Bil-Prim Ministru Robert Abela surrealment jiddikjara wkoll li hawn żgħażagħ li għandhom żewġ propjetajiet u mhux waħda. Filwaqt li injora totalment ir-realtà li hawn żgħażagħ li lanqas jaffordjaw l-ewwel propjeta tagħhom.

Madanakollu, l-Prim Ministru anke għażel li minflok jirrispondi dwar il-fatt li għadu ma kkuntattjax lil Alex Borg dwar il-ħatra ta’ Prim Imħallef ġdid f’pajjiżna, li suppost għandha ssir fil-ġimgħat illi ġejjin – bl-aktar mod partiġġjan fetaħ attakk fuq il-mod kif kien jinħatar Prim Imħallef fi snin passati.

Dan filwaqt li baqa’ sieket dwar id-dejn tal-pajjiż, u tbebiża li tah il-Fiscal Advisory Counsil…..Kunsill li ħatar huwa stess dwar in-nefqa tas-sena 2024. Dan apparti li njora totalment il-fatt li hu kien infurmat li l-binja li ċediet fil-Birgu, kienet ta’ periklu għar-residenti numru ta’ snin ilu.