Clayton Bartolo għadu frustrat għax ħadd ma kellmu dwar ir-ritorn tiegħu fil-Grupp Parlamentari tal-Partit Laburista.
Dan wara li kellu jirriżenja wara l-pressjoni kbira li kien hemm fuqu lura f’Novembru tal-2024 wara li ġie żvelat rapport tal-FIAU dwar kickbacks li allegatament kienet qed tieħu l-mara tiegħu Amanda.
F’kummenti li ta lit-Times of Malta, Bartolo qal li hu kien irriżenja mill-Partit Laburista għax ħadd mhu ikbar mill-Partit, però issa li l-ordni ta’ ffriżar tal-assi tneħħiet minn fuqu, hu qiegħed jistenna mill-Partit Laburista dwar jekk hux se jaċċettawh lura jew le.
Filwaqt li l-koppja qed tiċħad l-akkużi miġjuba kontrihom, l-ordni ta’ ffriżar tal-assi minn fuq il-mara tiegħu Amanda għadha ma tneħħietx. L-investigazzjoni fil-konfront ta’ Clayton Bartolo wkoll għadha fis-seħħ.
Dan hekk kif hu qed jiġi investigat mill-Pulizija dwar pagament ta’ €50,000 li ħadet il-mara tiegħu mill-kumpanija li tmexxi liċ-ċiklist Valerio Agnoli, l-istess kumpanija li ngħatat kuntratt mill-Malta Tourism Authority li kienet taqa’ taħt ir-responsabbiltà ta’ Bartolo.
Dan apparti li rapport tal-Kummissarju tal-Istandars kien sab li hu kien abbuża mill-poter tiegħu bħala Ministru.
//= $special ?>

