Fil-Qorti Kriminali, beda proċess biex jiġi stabbilit jekk Noel Azzopardi kienx fi stat ta’ ġenn skont il-liġi fil-mument li allegatament spara u qatel lil Eric Borg ta’ 27 sena, fl-1 ta’ Jannar 2024 fir-Rabat. Azzopardi, ta’ 41 sena, jinsab mixli b’serje ta’ reati, inkluż tentattiv ta’ qtil, pusses ta’ arma tan-nar waqt li wettaq reat, sparar f’inqas minn 200 metru minn zona abitata, u nuqqas ta’ sigurtà fil-ħażna ta’ armi u munizzjon fid-dar tiegħu.
Fil-preżentazzjoni tal-każ, Bord ta’ psikjatri maħtur mill-Qorti kien ikkonkluda li Azzopardi ma kienx kapaċi jifforma l-intenzjoni kriminali meħtieġa biex jinstab ħati minħabba mard mentali serju u diffikultajiet intellettwali. Il-Bord irrappurta li Azzopardi kien għamel tliet xhur fi sptar psikjatriku fl-2012 għal imġiba aggressiva u diffikultà fit-tħaddim tat-temperament tiegħu.
Skont l-esperti, madwar iż-żmien tal-allegat reat, Azzopardi kien milqut minn delużjonijiet persekutorji u kien fi stat ta’ ġenn, u għalhekk ma kienx konxju tal-eżitu tal-azzjonijiet tiegħu.
Fi proċeduri preċedenti, il-Qorti qajmet eċċezzjoni fuq insanità taħt l-Att dwar is-Saħħa Mentali u sospiża l-inkjesta, billi nħatar bord ta’ esperti biex jirrapporta dwar id-dotezza tal-imputat li jgħaddi ġuri u jekk kienx fi stat ta’ ġenn.
Minkejja s-sejbiet tal-esperti, il-liġi tippermetti lill-Avukat Ġenerali xahar biex jikkontesta s-sejba tal-ġenn, u li dan seħħ, il-punt se jiġi deċiż permezz ta’ dak li jissejjaħ Ġurin.
Jekk il-ġurija tiddeċiedi li Azzopardi kien fi stat ta’ ġenn, jista’ jintbgħat għal kura f’faċilità psikjatrika għal ħajtu, filwaqt li jekk jiġi deċiż li kien fi stat mentali normali, se jiġi pproċessat għal qtil, li huwa punibbli b’ħabs għal għomru.
Il-prosekuzzjoni tindirizza lill-ġurati dwar l-istat mentali tal-akkużat fil-qtil ta’ Eric Borg
Wara li l-Imħallef Neville Camilleri temm l-indirizz tiegħu lill-ġurati, fejn spjegalhom fid-dettall ir-rwol u r-responsabbiltajiet tagħhom, il-prosekuturi mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, l-Avukati Kaylie Bonnett u Kevin Valletta, bdew jindirizzaw lill-ġurati fil-kawża kontra Noel Azzopardi.
Fl-indirizz tagħha, l-Avukat Kaylie Bonnett spjegat li l-kompitu tal-ġurati hu li jixtarru u jgħarrblu l-provi kollha, b’mod partikolari dawk imressqa mid-difiża, sabiex jiddeċiedu jekk l-akkużat kienx fi stat ta’ ġenn fil-mument li wettaq ir-reat. Skont il-prosekuzzjoni, meta wieħed iħares lejn il-fatti kollha, jirriżulta li fil-ħin tal-omiċidju ta’ Eric Borg, l-akkużat ma kienx fi stat ta’ ġenn.
Il-prosekutur sostniet li Noel Azzopardi kien jaf eżatt x’kien qed jagħmel u kien konxju li l-aġir tiegħu kien ħażin, iżda minkejja dan xorta waħda qatel lil Eric Borg b’mod kalkulat u kiesaħ. Fissret li l-ġurati jinsabu fl-awla minħabba l-ġrajjiet tal-1 ta’ Jannar 2024 fi Triq Fidloqqom, ir-Rabat, meta l-akkużat wettaq omiċidju volontarju u kien ukoll akkużat li kellu arma tan-nar fil-pussess tiegħu b’mod irregolari.
Qalet li l-akkużi jinkludu wkoll li spara arma tan-nar f’żona pubblika u li naqas milli jżomm armi tan-nar maqfulin u siguri fir-residenza fejn kien jgħix ma’ ommu u missieru. Skont il-prosekuzzjoni, dakinhar tal-ewwel tas-sena l-pulizija ġew infurmati b’sparatura li seħħet viċin ir-residenza tal-vittma.
Fuq il-kadavru ta’ Eric Borg instabu żewġ feriti kkawżati minn sparaturi, waħda f’dahru u oħra f’ġenbu, u viċin tiegħu kien hemm il-vettura. Il-kadavru nstab fit-triq fejn il-vittma kien jgħix mal-ġenituri tiegħu. Fuq il-post waslet l-ewwel it-tfajla tal-vittma, segwita minn missieru, ommu, oħtu u familjari oħra.
Il-prosekutur qalet li l-familjari tal-vittma rrakkontaw lill-pulizija li Eric Borg ma kellux problemi partikolari ma’ ħadd, iżda kien qalilhom li l-akkużat kien qed isuq warajh ta’ spiss. Ġie spjegat li l-vittma kellu għalqa fil-Buskett, u kien minn hemm li kien jaf lill-akkużat.
Azzopardi mar l-Għassa mal-ġenituri tiegħu u ammetta kollox
Intqal ukoll li ftit wara li seħħ ir-reat, il-pulizija ġew infurmati li Noel Azzopardi kien mar l-Għassa tar-Rabat flimkien mal-ġenituri tiegħu u ammetta li kien spara u qatel persuna. Skont il-prosekuzzjoni, huwa kien mar id-dar immedjatament wara r-reat, informa lill-ġenituri tiegħu b’dak li kien għamel, u mbagħad iddeċieda li jmur jagħti ruħu lill-pulizija.
Waqt tfittxija fir-residenza tal-ġenituri tiegħu, ġew elevati disa’ armi tan-nar, sitta li kienu tiegħu u tlieta li kienu tal-ġenituri. Fosthom instabet arma moħbija f’arloġġ antik tat-tip grandfather’s clock, li ġie kkonfermat li kienet l-arma użata fid-delitt. Ġie stabbilit ukoll li l-isparaturi saru mill-viċin ħafna.
Il-prosekutur spjegat li l-interrogazzjoni tal-akkużat saret biss wara li espert psikjatra mqabbad mill-qorti ddikjara li Azzopardi kien f’kundizzjoni li jiġi interrogat. Waqt l-istqarrija tiegħu lill-pulizija, l-akkużat allega li l-vittma kien qallu biex ma jindaħalx fl-affarijiet ta’ ħaddieħor, kumment li rrabjah ħafna.
Skont il-verżjoni tiegħu, meta kien qed isuq warajh, Eric Borg waqqaf il-karozza u niżel minnha, u l-akkużat għamel l-istess. F’dak il-mument, Azzopardi ħareġ arma u spara żewġ tiri lejn il-vittma, li ma kellux arma f’idu, u mbagħad telaq minn fuq il-post bil-karozza tiegħu.
Dr. Bonnett fakkret lill-ġurati li waqt il-kumpilazzjoni tad-difiża, intqal li l-akkużat kien fi stat ta’ ġenn meta seħħ ir-reat u li għalhekk għandu jkun eżentat mill-ġuri. Għaldaqstant, il-kompitu tal-ġurati hu li jiddeċiedu jekk dak l-istat ta’ ġenn kienx jeżisti jew le.
Enfasizzat li l-presunzjoni fil-liġi hi li persuna mhijiex fi stat ta’ ġenn, u li mill-azzjonijiet tal-akkużat, kemm dakinhar stess tal-omiċidju kif ukoll fil-jiem ta’ wara, jirriżulta li kien jaf x’kien qed jagħmel u xorta ħa d-deċiżjoni li joqtol lil Eric Borg għax kien irrabjat.
Id-definizzjoni tal-ġenn fil-liġi Maltija
Il-prosekutur daħlet fid-definizzjoni tal-ġenn fil-liġi Maltija u spjegat li jeħtieġu jeżistu żewġ elementi flimkien: l-att u l-ħsieb, magħrufa bħala l-“mens rea”. Spjegat li l-intenzjoni tista’ tkun diretta jew indiretta, iżda dawn m’għandhomx jitħalltu mal-motiv, li huwa r-raġuni għaliex twettaq ir-reat.
Saħqet li l-fatt li persuna jkollha kundizzjoni psikjatrika ma jfissirx awtomatikament li tkun fi stat ta’ ġenn jew eżentata mir-responsabbiltà kriminali. Skont il-prosekuzzjoni, huwa d-dmir tad-difiża li tipprova li l-akkużat kien fi stat ta’ ġenn, u f’dan il-każ il-provi juru li Noel Azzopardi kien konxju ta’ dak li kien qed jagħmel, kien jaf li kien qed juża arma tan-nar, kien jaf li l-aġir tiegħu kien ħażin u kien kapaċi jiddistingwi bejn it-tajjeb u l-ħażin.
Il-ġurati jridu jmorru lil hinn mill-analiżi medika
Il-fatt li spara lill-vittma mill-viċin, wara li niżel mill-karozza u ħareġ l-arma apposta, jindika li aġixxa b’għarfien sħiħ tal-konsegwenzi. Il-prosekutur fakkret ukoll li l-opinjoni tal-esperti mediċi mhijiex deċiżjoni legali u li l-ġurati jridu jmorru lil hinn mill-analiżi medika.
L-esperti, qalet, jagħtu opinjoni dwar jekk persuna għandhiex “disease of the mind”, iżda huma l-ġurati li jridu jiddeċiedu jekk l-akkużat kienx qed jifhem dak li kien qed jagħmel fil-mument tar-reat. Fakkret li espert tal-prosekuzzjoni kien eżamina lill-akkużat sigħat biss wara d-delitt u kien iddikjara li kien f’kundizzjoni tajba biżżejjed biex jiġi interrogat.
Fl-aħħar nett, Dr. Bonnett qalet li l-ġurati huma sovrani fid-deċiżjoni tagħhom u li għandhom jiddeċiedu biss jekk Noel Azzopardi kienx fi stat ta’ ġenn meta wettaq l-omiċidju u meta ammetta l-atti tiegħu. Skont il-prosekuzzjoni, l-akkużat kien san u konxju. Jekk il-ġurati jaslu għal dan il-verdett, il-proċeduri kriminali kontra l-akkużat jitkomplew b’ġuri separat, fejn ġurati oħrajn jiddeċiedu dwar il-ħtija tiegħu fir-rigward tal-akkużi miġjuba kontrih.
Xhieda fil-kumpilazzjoni
Fix-xhieda tiegħu waqt il-kumpilazzjoni, l-Ispettur Godwin Scerri spjega kif, waqt li kien fuq il-post fejn seħħ id-delitt, ġie infurmat mill-Għassa tar-Rabat li persuna kienet implikat ruħha fil-qtil li kien seħħ ftit tal-ħin qabel.
Skont l-Ispettur, Noel Azzopardi qal lill-Pulizija li r-raġuni wara l-isparatura kienet għaliex il-vittma kien wissieh biex ma jdejqux f’xogħlu u heddu li kien se “jpattihielu”. Il-Pulizija staqsiet ukoll lil missier il-vittma jekk kienx hemm xi inkwiet bejn iż-żewġ partijiet.
Missier Eric Borg indika lil Azzopardi bħala persuna li seta’ kellha xi problemi mal-vittma relatati mal-għelieqi. Madankollu, meta l-Pulizija stħarrġet aktar fil-fond dwar kwistjonijiet ta’ artijiet jew xi konflitt ieħor bejn iż-żewġ familji, ma rriżulta xejn li jikkonferma tali inkwiet.
L-Ispettur Scerri kien spjega wkoll li waqt tfittxija fir-residenza tal-imputat, il-Pulizija sabet sitt isnieter irreġistrati fuq Azzopardi u tlieta oħra irreġistrati fuq missieru. Min-naħa tiegħu, fuq il-pedana tax-xhieda, dejjem waqt il-kumpilazzjoni l-psikjatra Dr Joe Cassar qal li meta eżamina lil Azzopardi qabel itteħditlu l-istqarrija, l-imputat kien qed jifhem b’mod ċar l-akkużi miġjuba kontrih, l-implikazzjonijiet legali tagħhom u l-piena possibbli f’każ ta’ kundanna.
Meta mistoqsi mill-prosekuzzjoni jekk kienx ta xi rakkomandazzjonijiet, Dr Cassar spjega li wara li l-imputat qallu li kien ilu jbati minn sensiela twila ta’ problemi ta’ saħħa mentali, huwa rrakkomanda li jsiru testijiet newropsikoloġiċi sabiex jiġi evalwat l-iżvilupp u l-istat tas-saħħa mentali tiegħu.
Il-każ se jinstema’ quddiem l-Imħallef Neville Camilleri u għall-akkużat qed jidhru l-Avukati Arthur Azzopardi u Nicole Vassallo. L-Avukati Kevin Valletta u Kylie Bonett se jmexxu l-Prosekuzzjoni filwaqt li l-Avukat Joe Giglio se jidher bħala parte civile fil-każ għan nom tal-famijari tal-vittma.
//= $special ?>

