Lokali

Iffirmat il-kuntratt mill-Kunsill Lokali tal-Belt biex jitwettaq ix-xogħol ta’ restawr mal-faċċata tal-Knisja Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu

Nhar il-Ġimgħa, 9 ta’ Jannar 2026, ġie ffirmat il-kuntratt bejn il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, u l-kumpanija Camray, rrappreżentata minn Ray Camilleri, direttur maniġerjali, biex jitwettaq ix-xogħol ta’ restawr u konservazzjoni tal-faċċata tal-Knisja Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu.

Dan sar wara li kien ħareġ tender pubbliku (Tender for the Restoration of the External Facades and the Bell Towers of the St Paul’s Shipwreck Church, Valletta VLC/T/02/2023). 

Għalkemm, kien hemm xi diffikultajiet, bir-rieda tajba u bil-ħidma ta’ kulħadd illum qed ikun issiġġillat il-ftehim u jibda t-twettiq tal-proġett tant mistenni. It-twettiq ta’ dan il-proġett tiegħu se jkun taħt ir-responsabilità tad-Direttorat tar-Restawr fil-Ministeru għall-Kultura, Artijiet u Gvern Lokali.

Il-faċċata tal-Knisja Kolleġġjata ta’ San Pawl għandna mhux biss valur storiku imma wkoll arkitettoniku uniku.  Kien fl-1881 li l-Kapitlu tal-Kolleġġjata xtaq li l-Knisja jkollha faċċata isbaħ billi waqqa’ dik tal-1725 u nbiet l-ġdida minflokha fuq disinn tat-tabib Nikola Zammit mis-Siġġiewi.  Fl-1885, inbena x-xogħol fuq il-faċċata l-ġdida mill-bennej l-Imgħallem Annunzjat Schembri.    L-iskultura tal-faċċata saret mill-iskultur Mastru Antonju Busuttil , assistit minn ibnu Franġisku mir-Rabat.  Taħt iż-żewġ kampnari hemm żewġ statwi ta’ San Pietru u San Pawl, xogħol l-iskultur bormliż, Vincenż de Candia u fuq il-bieb prinċipali hemm statwa tal-Kunċizzjoni b’tifkira tad-Domma (1854).

Nhar it-Tnejn, 12 ta’ Jannar 2026, il-ftehim ġie ppreżentat lill-Arċipriet, David Cilia u l-Kanċillier David Torpiano fl-Awla Kapitulari tal-istess Kolleġġjata fil-preżenza tal-kunsilliera kollha tal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta.  F’diskors qasir, l-Arċipriet irringrazzja lil kull min ta sehmu biex wasalna għal dan il-ftehim, u b’mod partikulari lil Planning Authority li qed tiffinanzjah mill-Urban Development Fund, u wera s-sodisfazzjon tiegħu li x-xogħol issa jista’ jsir bla dewmien.