Il-Kor Sine Macula, li hu bbażat fir-raħal żgħir ta’ Ħal Safi u li hu mmexxi mis-Surmast Alexandra Borg, bejn l-4 u d-9 ta’ Diċembru 2025 ħa sehem fit-13-il edizzjoni tal-Badenia, Advent Music Festival organizzat mill-MusikReisenFaszination u li sar f’Baden-Baden, belt fin-naħa tax-xlokk tal-Ġermanja.

Baden-Baden tinsab fir-reġjun ta’ Baden-Württemberg u tmiss mal-muntanji fil-majjistral tal-Black Forest. Hija belt famuża għall-ħafna spas naturali li fiha. Fl-2021, din il-belt saret parti mill-Wirt Dinji Kulturali tal-Unesco bħala waħda mill-aqwa bliet fl-Ewropa, għax minħabba dan il-fatt u minħabba s-sbuħija tal-arkitettura li fiha.

Il-Kor Sine Macula kien wieħed minn erba’ korijiet li ħadu sehem f’din l-edizzjoni ta’ dan il-Festival prestiġjuż. Il-korijiet l-oħrajn kienu l-Kor Grun, kor femminili mill-Ġappun, il-Kor Tervis mill-Estonia u l-Kor MGV Germania 1863 mill-Ġermanja, minbarra l-Kor Sine Macula li kien qed jirrappreżenta lil Malta.
Il-Korijiet kantaw fil-Knisja sabiħa ta’ San Bernhard ġewwa Baden-Baden. Kien hemm udjenza sabiħa u numeruża li apprezzat ħafna t-talent u l-varjetà tal-mużika fir-repertorji tal-korijiet li kienu ġejjin minn pajjiżi differenti.
Il-Kor Sine Macula kanta siltiet tal-Milied, fosthom, O Little Town of Betlehem li hija għanja tal-Milied tradizzjonali Ngliża u Il-Messija Mixtieq Ġie, li hi għanja tal-Milied, tradizzjonali Maltija b’arranġament tal-mibki fundatur u eks surmast tal-Kor Sine Macula, Fr Tony Pace.
Għalkemm din ma kinitx l-ewwel darba li l-Kor Sine Macula kanta barra minn xtutna, din il-mawra fil-Ġermanja kienet esperjenza sabiħa li saħħet bis-sħiħ il-ħbiberija bejn il-koristi, minbarra li għal darb’oħra tat l-opportunità lill-Kor biex isemma’ leħnu ‘l bogħod mill-gżejjer Maltin. B’hekk il-Kor seta’ jkun ambaxxatur mill-aqwa tal-element mużikali u kulturali tal-gżejjer tagħna, li għalkemm żgħar, jistgħu jiftaħru bil-ġmiel u r-rikkezzi tat-talenti korali Maltin!


