Il-Qorti Kostituzzjonali laqgħet parzjalment appell ippreżentat minn Rosanne Mollere u żiedet il-kumpens li għandu jitħallas lilha minħabba ksur tad-dritt tagħha għat-tgawdija tal-proprjetà, kawża tal-applikazzjoni tal-liġi tal-kirjiet kummerċjali taħt il-Kapitolu 69 tal-Liġijiet ta’ Malta.
Is-sentenza ngħatat mill-Qorti preseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti, flimkien mal-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Anthony Ellul, f’seduta tat-12 ta’ Jannar 2026. Il-Qorti ċaħdet l-appell inċidentali tal-Avukat tal-Istat u varjat is-sentenza tal-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fil-kompetenza kostituzzjonali tagħha, li kienet tat kumpens ta’ €15,803 f’danni pekunarji u €1,000 f’danni morali.
Il-każ kien jikkonċerna fond kummerċjali fi Triq Melita, il-Belt Valletta, li l-mara wirtet fl-2017 u li kien ilu mikri għal diversi snin b’kera ferm inferjuri għall-valur tas-suq. Il-Prim’Awla kienet diġà sabet li l-applikazzjoni tal-Kapitolu 69 u l-emendi li saru fih kissru l-Artikolu 1 tal-Ewwel Protokoll tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, peress li ma nħoloqx bilanċ ġust bejn id-drittijiet tas-sid u dawk tal-inkwilini.
Fl-appell tagħha, l-applikanta sostniet li l-kumpens kellu jiġi kkalkulat fuq perjodu itwal u li l-ammont mogħti mill-Ewwel Qorti kien insuffiċjenti. Min-naħa tiegħu, l-Avukat tal-Istat argumenta li ma kien hemm ebda ksur peress li l-fond kien ilu snin mhux jintuża u li s-sidien kellhom rimedji ordinarji disponibbli.
Il-Qorti Kostituzzjonali qablet li kien hemm ksur tad-drittijiet fundamentali u ddeċidiet li l-kumpens pekunarju kellu jiġi kkalkulat mill-1987 ’il quddiem, iżda b’limiti skont il-perjodu ta’ pussess u l-mewt tal-inkwilin. Wara li applikat it-tnaqqis relatat mal-għan soċjali tal-liġi u n-nuqqas ta’ garanzija ta’ kiri fit-tul, il-Qorti stabbiliet kumpens pekunarju ġdid ta’ €28,463.
Konsegwentement, il-Qorti ordnat lill-Avukat tal-Istat iħallas lir-rikorrenti s-somma totali ta’ €29,463, li tinkludi d-danni pekunarji u dawk morali, bl-imgħax li jibda jiddekorri mid-data tas-sentenza tal-Ewwel Qorti, kif ukoll l-ispejjeż taż-żewġ istanzi. L-Avukat Edward DeBono kien bħala mandatarju tal-assenti
Rosanne Mollere fil-kawża li saret kontra l-Avukat tal-Istat, Marlene Bonnici u Nataline Pace.


