Lokali

Il-Viċi Sindku jattakka: Il-verità dwar il-faċċata ta’ San Pawl “ma jista’ jħassarha ħadd”

Is-Sindku Laburista tal-Belt Olaf McKay ħareġ jiftaħar li ffirma l-kuntratt għar-restawr tal-faċċata tal-Knisja ta’ San Pawl. Iżda mal-ewwel waslet il-botta ċara mill-Viċi Sindku Alfred Zammit.

Fuq Facebook, Zammit kiteb li fl-aħħar jiem ra ħafna stqarrijiet dwar ir-restawr tal-faċċata ta’ San Pawl.

“Mertu nħalluh għal Alla. Iżda l-verità ma jista’ jħassara ĦADD! L-idea kienet tiegħi meta ilqajt l-Arċipriet il-ġdid bħala Sindku fi Frar tal-2020 u flimkien imxejna sal-aħħar biex fil-Festa ta’ San Pawl tal-2022 preżentajt l-Aċċettazzjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar”.

Alfred Zammit, iżda, ma waqafx hemm. U bi kliemu, baqa’ jattakka lis-Sindku tiegħu stess.

“Dak li seħħ wara seta’ ġie evitat u kieku llum il-faċċata lesta. Iżda ILLUM l-importanti hu li kulhadd fehem li l-għan tieghi kien wieħed”, kiteb Alfred Zammit fuq Facebook.

Din is-saga kollha kienet ilha għaddejja żmien twil, u ħolqot qasma enormi bejn is-Sindku Laburista tal-Belt u l-Viċi tiegħu.

Dan filwaqt li l-kunsillieri tal-PN dejjem kienu konsistenti u ħadmu bla heda biex isir dan il-proġett ta’ restawr tant importanti fil-kapitali.