“Irridu nkomplu nibnu l-kapitlu sabiħ li bdejna. Irridu nħabtu l-bibien, induru l-pjazez, u nkunu man-nies – għaliex hekk biss nistgħu nkunu partit rebbieħ.”
Kien dan l-appell b’saħħtu li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt riċeviment li sar il-Ħadd filgħaxija f’Ta’ Sannat Għawdex, għall-attivisti, Sindki u Kunsillieri Għawdxin.




Waqt dan ir-riċeviment Alex Borg spjega li fl-ewwel ftit xhur tiegħu bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista sar ristrutturar importanti – però fadal xi jsir.
Hu tenna li din is-sena se tfisser li l-ħidma se tiżdied minn kull aspett; u għalhekk jeħtieġ li kullħadd ikompli jħabbat il-bibien biex il-Partit Nazzjonalista jkun partit rebbieħ.
Alex Borg irringrazzja lil dawk kollha preżenti tal-ammont rekord li ġabru mill-gżira ta’ Għawdex fil-maratona ġbir ta’ fondi li għaddiet. Hu rringrazzja wkoll lil Noel Formosa u lill-Kumitat Reġjonali talli organizza din l-attività.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista stqarr li bħalissa jeħtieġ li l-kandidati li l-attivsiti jibqgħu jżuru d-djar, jiltaqgħu man-nies u jiġbdu nies ġodda jew persuni li b’ħidma kollettiva l-PN jista’ jerġa’ jersaq lejhom.
Alex Borg saħaq li Għawdex għandu grupp ta’ kandidati b’saħħtu, u li dawn qed jagħmlu unur lill-gżira Għawdxija. Tenna li hu jemmen bi sħiħ li Għawdex hu d-dar naturali tal-Partit Nazzjonalista, u dan kien evidenti anke fl-elezzjonijiet li għaddew tal-Kunsill u l-MEPs.
Intant l-attivita infetħet minn Noel Formosa, il-President tal-Kumitat Reġjonali, illi spjega li kull persuna preżenti għandha irwol imortanti, hekk kif mingħajrhom il-Partit Nazzjonalista ma jistax jimxi ‘l quddiem.
Preżenti għal din l-attivita kien hemm fost l-oħrajn ix-Shadow Minister Chris Said, kif ukoll kandidati, Sindki u kunsillieri tal-PN.





