Ir-rewwixta kontra r-reġim Iranjan tal-Ayatollah Ali Khamenei qed tissarraf, kuljum, f’mijiet ta’ vittmi u midruba….Sitwazzjoni li qed titqies bħala l-akbar sfida għal dan ir-reġim mindu l-Iran qaleb għal Repubblika Iżlamika fundamentalista fl-1979.
Il-poplu Iranjan qed jipprotesta fuq kollox minhabba il-kroll fil-valur tal-kambju li qed jirrendi kull ġurnata f’taqbida iddisprata għall-għajxien tal-familji — bir-reġim qed jibgħat l-iskwadri speċjali tas-sigurtà sabiex jeżerċitaw ponn tal-ħadid mal-għexieren tal-eluf tad-dimostranti fit-toroq ta’ Tehran u bnadi oħra tal-pajjiż.
Id-diktat tar-reġim Iżlamiku, bħalma seħħ fil-passat, hu wieħed vjolenti għall-aħħar, partikolarment ladarba parti kbira ħafna tal-poplu qed tinsisti – permezz tal-protesti – li mhu se taċċetta xejn għajr bidla fid-direzzjoni tal-pajjiż.
Fl-istess ħin, l-Amerika qed twissi lill-Iran li kapaċi ssofri azzjonijiet mill-aktar ħorox f’sitwazzjoni fejn ir-reġim ikompli joqtol lin-nies tiegħu stess.
Dan fost stennija li l-President Amerikan Donald Trump, li xhur ilu kien ordna l-attakki fuq il-faċilitajiet tal-Iran, jagħti direttivi speċifiċi u finali għal aktar attakki fuq Khamenei u sħabu.
Ir-reġim Iranjan, fl-istess ħin, qed jaħseb għal kull eventwalità; anki waqt li qed ikompli bil-massakri u l-arresti tad-dimostranti li qamu kontra Khamenei.
Sadanittant, il-Ministru Iranjan għall-Affarijiet Barranin qal li pajjiżu jinsab lest għal gwerra f’każ li l-Istati Uniti tintervjeni kontra r-reġim tiegħu. Fl-istess ħin, il-Ministru żamm lura milli jhedded direttament lil Washington u prova jwassal messaġġ li l-Iran mhux qed ifittex gwerra ma’ pajjiż ieħor.
Aktar deċiż kien il-kumment ta’ Mohammad Baqer Qalibaf, Speaker tal-Parlament Iranjan, illi saħaq li l-Iran – mal-ewwel ħjiel ta’ aggressjoni minn Washington – kapaċi jattakka lill-bażijiet militari u l-bastimenti tal-Amerikani fir-reġjun tal-Lvant Nofsani.
Minkejja dan il-kliem b’saħħtu, il-President Trump qed ikompli jwissi li l-Istati Uniti qed tikkunsidra ‘diversi għażliet deċiżivi’ fil-konfront tat-Tmexxija Iżlamika f’Tehran.
//= $special ?>

