‘Ilna nisimgħu mill-bdiewa u raħħala li l-fondi Ewropej qed imorru għand l-aġenziji tal-gvern minflok jintużaw biex nipproduċu ikel bnin u lokali. Illum għandi l-provi mill-Kummissjoni Ewropea li €3.8 miljun suppost dedikati għall-bdiewa fil-fatt marru f’infiq fl-aġenziji u miżuri msejħa tal-‘foresti’, qal l-MEP Peter Agius waqt li ppubblika korrispondenza mal-Kummissjoni Ewropea li turi li l-Gvern talab li €3.8 miljun ta’ fondi li kienu dedikati għal inizjattivi tal-biedja bħal ‘young farmers’ u xiri ta’ makkinarju għall-bdiewa fil-fatt twarrbu biex jintefqu fuq il-miżura 8.5 li tiddedika l-flus għal ‘forestrija’.
‘Dan sfortunatament juri li jkollna ikel bnin u lokali mhix prijorità għall-gvern. Dan jinkwetani ħafna u għandu jinkwieta lill-familji Maltin kollha għax is-sigurtà tal-ikel f’Malta qiegħda fl-agħar li qatt kienet b’diversi rziezet jagħlqu u l-bdiewa jitilqu l-mistier. Jekk nitilfu lil min jitmagħna ser niġu dipendenti kompletament fuq prodotti impurtati li mhux garantitis’ qal l-MEP Peter Agius.
Il-korrispondenza tal-MEP Agius mal-Kummissarju Ewropew Christophe Hansen tgħid li l-Programm ta’ Fondi mill-Gvern Malti għall-Iżvilupp Rurali adottat fl-4 ta’ Novembru 2025 ‘idaħħal ċaqliq ta’ finanzi għal ammont ta’ €3.8 miljun mill-kontribut tal-Unjoni Ewropea. Dawn il-fondi kollha ġew riallokati fuq il-miżura ta’ investiment fiz-zoni forestali u l-iżvilupp tal-foresti kif ukoll it-titjib tal-vijabbilità tal-foresti f’Malta.’
Peter Agius qal li din il-korrispondenza turi biċ-ċar fenomenu li ilu għaddej fl-amministrazzjoni tal-fondi Ewropej mill-Gvern Malti u li sa issa nħeba mill-Gvern u li l-fondi Ewropej tant meħtieġa biex isostu u jsaħħu l-biedja Maltija qegħdin fil-fatt jintużaw għal skopijiet oħra.
‘Hija ironija kbira li flok jara kif iħeġġeġ bdiewa żgħażagħ jieħdu l-mistier tant importanti tar-raba, il-Gvern qed minflok jiddedika ruħu fuq il-vijabbiltà tal-foresti f’Malta.’
Peter Agius spjega li waqt li l-investiment fis-siġar u spazji ħodor f’pajjiżna huwa importanti, dan m’għandu qatt jiġi qabel l-emerġenza tas-sigurtà tal-ikel f’pajjiżna. Agius spjega kif waqt li l-gvern għadu kif ftaħar li ħallas €86 miljun f’pagamenti mill-Aġenzija Arpa, hemm għexieren ta’ bdiewa li ilhom jistennew aktar minn sena biex jibdew il-proġetti li suppost diġà ngħataw l-awards għalihom imma qatt ma saru l-kuntratti għalihom biex jinxtara makkinarju u jinbnew strutturi agrikoli. Hemm ukoll diversi raħħala, biċċiera u produtturi tal-inbid u żejt taż-żebbuġa li pparteċipaw fl-aħħar sejħa għal proċessuri tal-ikel li għadhom pendenti għax filwaqt li kkwalifikaw għall-fondi Ewropew dawn l-istess fondi mistennija jittieħdu mill-aġenziji tal-gvern li daħħlu wkoll l-applikazzjoni tagħhom f’kompetizzjoni mal-bdiewa.
‘Dan kollu huwa turija ta’ gvern li qat’a’ qalbu mill-biedja Maltija u mill-kapaċità tal-bdiewa Maltin li jsostnu l-popolazzjoni bi prodott lokali. Huwa għalhekk li minflok jinvesti fil-bidwi, ir-raħħal u s-sajjied qed jara kif jonfoq il-fondi Ewropej b’modi oħra li huwa jikkunsidra aktar faċli. Din hija traġedja li qed tiġri taħt għajnejna u jiena bħala MEP għal Malta u Għawdex qed nagħmel il-parti tiegħi kemm Malta kif ukoll fl-Ewropa biex nara li nevitaw din it-traġedja. L-ikel tat-tfal tagħna fil-ġejjieni jiddependi minn dan,’ għalaq l-MEP Peter Agius.
//= $special ?>

