Lokali Qorti

Mixli bi vjolenza domestika fil-konfront ta’ martu u ta’ bintu minuri waqt li kien fis-sakra

Raġel, ta’ 36 sena, residenti Ħal Għaxaq, tressaq il-Qorti akkużat b’numru ta’ reati ta’ vjolenza domestika li allegatament seħħew nhar l-10 ta’ Jannar 2026 f’residenza fi f’Birżebbuġa. Hu ġie akkużat li wettaq diversi atti f’ħinijiet li allegatament ikkaġunaw ġrieħi ħfief lil martu quddiem uliedhom minuri. Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih.

Huwa wieġeb mhux ħati li weġġa lil martu u lil waħda minn uliedu waqt li kien fis-sakra u li kkawżalhom ‘black eye’. Skont l-att tal-akkuża, l-akkużat, li f’każijiet bħal dawn ma jissemmiex biex jiġu protetti l-allegati vittmi – allegatament kkaġuna biża’ lil martu, li kienet qed tgħix fl-istess dar miegħu u li hija wkoll omm iż-żewġ uliedhom minuri, u li se tintuża vjolenza kontriha jew kontra l-proprjetà tagħha jew kontra persuni qrib tagħha. L-allegat delitt sar quddiem minuri jew f’ċirkustanzi fejn il-minuri setgħu semgħu x’kien qed iseħħ.

Huwa akkużat ukoll li f’dak l-istess jum ikkaġuna biża’ lil bintu minuri ta’ disa’ snin, li kienet qed tgħix fl-istess dar, li setgħet tintuża vjolenza kontriha jew kontra l-proprjetà tagħha jew kontra persuni qrib tagħha, f’ċirkustanzi li fihom it-tifla kienet preżenti jew setgħet tisma’ l-ġrajjiet li kienu qed iseħħu.

Barra minn hekk, l-imputat hu mixli li, mingħajr il-ħsieb li joqtol jew li jqiegħed il-ħajja ta’ martu f’periklu ċar, volontarjament ikkaġuna ħsara fil-ġisem jew fis-saħħa tagħha, jiġifieri offiża ta’ natura ħafifa mingħajr kumplikazzjonijiet.

Din l-offiża ġiet iċċertifikata mit-tabiba Dr Francesca Bezzina miċ-Ċentru tas-Saħħa Moran Rahal Ġdid u mit-tabib Dr Fabian Debono mid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei. L-Avukat Vince Micallef f’isem il-klijent tiegħu għamel talba għall-ħelsien mill-arrest li kienet opponuta in parte mill-Ispettur Audrey Micallef li qalet li kienet qed tagħmel dan minħbabb biża’ ta’ kontaminazzjoni tal-provi.

Qalet ukoll li madankollu l-akkużat ikkopera mill-bidu sal-aħħar mal-Pulizija. Hija qalet ukoll li l-kondotta tal-akkużat hija waħda nadifa. L-Avukat Micallef qal li l-ħelsien mill-arrest hija r-regola u mhux l-eċċezzjoni u li l-klijent tiegħu huwa lest biex joqgħod għal kull ordni tal-Qorti.

L-Avukat Yanika Barbara Sant bħala parte civile, ma qablitx li l-akkużat jingħata l-ħelsien mill-arrest anke qalet peress li l-mara spiċċat tgħix mal-ġenituri tagħha u ma baqgħetx tgħix fid-dar matrimonjali u dan ukoll minħabba li l-akkużat ħa ċ-ċavetta tad-dar.

L-Avukat Micallef qal li l-avukat tal-parte civile skont il-liġi ma tistax tintervjeni fuq il-ħelsien mill-arrest u li l-akkużat għandu wkoll residenza alternattiva u li anke fuq il-kontaminazzjoni tal-provi l-Qorti tista’ tikkawtela għal dan kollu.

Il-Maġistrat Ingrid Bianco laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ elf ewro u garanzija persoanli ta’ €10,000, li jiffirma kull nhar ta’ Tnejn, il-Ħamis u s-Sibt fl-Għassa ta’ Raħal Ġdid u jirritorna lura i-ċavetta tad-dar matrimonjali,il-passaport u l-karta tal-identità.

Għall-akkużat dehru l-Avukati Vince Micallef u Jacob Portelli.