Nepaliż ta’ 30 sena ġie mmultat €2,400 wara li nstab ħati li saq mutur mingħajr liċenzja tas-sewqan u mingħajr polza tal-assikurazzjoni. Kuber Koirala, li jgħix San Pawl il-Baħar, kien mixli mill-Ispettur Rachel Aquilina li wettaq dawn ir-reati fil-15 ta’ Ġunju 2024.
Il-każ beda jiġi investigat mill-Pulizija wara li, fl-istess jum, seħħ inċident li fih l-akkużat waqa’ bil-mutur waqt li kellu passiġġier miegħu. Mill-investigazzjonijiet irriżulta li l-mutur kien irreġistrat f’isem raġel li, meta ġie kkuntattjat mill-Pulizija, qal li kien jinsab barra l-pajjiż.
Sussegwentement fl-għassa mar raġel ieħor li spjega lill-Pulizija li l-akkużat kien jaħdem miegħu, iżda qatt ma kien tah permess isuq il-mutur. Meta l-Pulizija bagħtu għall-akkużat, dan qalilhom li hu u l-passiġġier li kellu miegħu kienu waqgħu bil-mutur. Huwa ammetta li ma kellux liċenzja tas-sewqan u sostna li kien hu li saq għax sieħbu kien xurban.
Il-Maġistrat Jean Paul Grech ikkonkluda li mill-provi mressqa quddiem il-Qorti rriżulta li l-akkużat effettivament saq mutur mingħajr liċenzja u mingħajr assikurazzjoni. Għaldaqstant sabu ħati, mmultah €2,400 u skwalifikalu l-liċenzja tas-sewqan għal perjodu ta’ 12-il xahar.
//= $special ?>

