Charles Bonello
Segretarju Ġenerali
Partit Nazzjonalista
Hekk kif bdejna sena ġdida tajjeb li wieħed iħares lejn ħidmet il-PN matul dawn it-tnax-il xahar li għandna quddiemna; ħidma bażata biex tkompli ssaħħaħ lill-PN kemm mill-aspett organizzattiv, mill-aspett amministrattiv u wkoll fuq livelli finanzjarju.
Il-PN irid jirbaħ l-Elezzjoni Ġenerali li jmiss u għalhekk irid li jkun ippreparat u mhejji ħalli tiġi meta tiġi l-Elezzjoni, nirbħu u dan għall-ġid tal-pajjiż u tal-poplu Malti u Għawdxi. Dan hu moment mill-aktar kruċjali għal pajjiżna u għall-poplu għaliex il-pajjiż qed jitmexxa ħażin u l-poplu hu mdejjaq b’din it-tip ta’ tmexxija li qed iddaħħal lil pajjiżna fil-ħajt u l-poplu ma jixraqlux hekk.
Għalhekk fuq kull livell il-PN irid li jkompli jissaħħaħ fl-istrutturi kollha tiegħu… il-Kumitati, l-istrutturi, il-fergħat, il-Kunsillieri, il-Grupp Parlamentari. Ilkoll flimkien irridu nkomplu naħdmu biex ikollna sistemi aktar u aktar b’saħħithom. Diġà għandna strutturi b’saħħithom imma rridu nassiguraw li kull struttura tkompli tissaħħaħ u timxi maż-żminijiet.
Anki mill-aspett amministrattiv irridu nkomplu naħdmu u nissaħħu biex nassiguraw li mhux biss inkunu aktar effiċjenti, imma li jkollna wkoll prodott aħjar biex inwasslu l-messaġġ tagħha bl-aktar mod effettiv possibbli.
It-tielet sieq ta’ dan it-trepied hu l-aspett finanzjarju fejn ukoll irridu nkomplu naħdmu b’kuraġġ u b’determinazzjoni. Irridu niffaċċjaw l-isfidi li niltaqgħu magħhom u nikkonvertuhom f’opportunitajiet. Qed naħdmu b’saħħitna kollha u dan l-impenn inwiegħed li se jkomplu biex hekk nissoktaw nimxu ’l quddiem biex inkomplu nsaħħu l-qagħda finanzjarja tal-PN.
Grazzi għal dan kollu l-PN irid li jkollu l-aqwa prodotti xi jwassal lin-nies; l-aqwa messaġġi u viżjoni ċara li tagħmilha gvern alternattiv sod u aħna nkunu mill-ġdid l-għażla naturali tal-Maltin u l-Għawdxin. Impenn li jrid iwassalna biex inkunu fil-Gvern u mbagħad inkomplu nirsistu u naħdmu b’risq il-veru ġid ta’ pajjiżna
Il-PN trasparenti u l-PL skomdu
B’sodisfazzjon infakkar kif fil-jiem ta’ qabel il-festi li għadhom kemm għaddew il-PN ħabbar u ħareġ l-accounts tiegħu u dan għamlu bl-aktar mod trasparenti. Hu fatt fiċ-ċert li ż-żewġ partiti l-kbar għandna l-miljuni fi djun. Iżda d-differenza bejn il-PN u l-PL hi li aħna magħna kulħadd jaf fejn qiegħed. Id-djun tagħna jakkumulaw it-€32.5 miljun u dan in-nies jafuh kif jafu wkoll id-diffikultajiet tagħna.
Imma l-PL ma jistax jgħid l-istess. Il-PL għadu jaħbi. Anzi, mhux jaħbi biss… jigdeb. Filwaqt li l-accounts tal-PL jgħid li d-djun tal-PL biss huma ta’ €7 miljun u aktar, l-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni tal-PL jgħid li d-dejn akkumulat tal-PL hu ta’ €1 miljun.
Din mhi vera assolutament xejn. Din hi gidba għaliex l-accounts tal-PL stess jgħid li l-PL għandu €7 miljun fi djun. Allura nistaqsi: X’qed jaħbi l-PL? X’qed jgħid hemm barra meta jaf li dak li qed jgħid mhux veritier?
Nistaqsi wkoll: X’qed iżomm lill-PL milli jgħid b’mod kumplessiv – jiġifieri bil-kumpaniji kollha li għandu – x’inhu l-ammont ta’ dejn li għandu? Id-djun tal-PL jammontaw għal miljuni kbar u saħansitra nemmen ukoll li dawn id-djun javviċinaw id-dejn li għandu l-PN.
Issa ma nafx jekk dawn id-djun li għandu l-PL javviċinax id-dejn tal-PN, inkellha hux daqsu jew saħansitra aktar! Għaliex dawn qatt ma kienu maturi man-nies u jgħidu l-verità ta’ xi djun totali għandhom.
Ara l-PN kellu l-kuraġġ li jagħti stampa ċara ħafna tad-dejn li għandu. Dan sar għaliex il-PN jemmen fit-trasparenza u li l-poplu għandu kull dritt ikun jaf l-istampa kollha x’inhi.
Ara l-PL anqas lin-nies tiegħu stess ma jafda għax anqas lilhom mhu jgħid kemm għandu djun akkumulattivi. Meta wieħed jifli kif tkellem l-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni tal-PL isib li dan kien skomdu ħafna jwieġeb dwar is-suġġett. Saħansitra kien diżonest fl-attakki tiegħu fuq id-dejn tal-PN. U dan ngħidu għaliex lill-PN qed jattakkah b’mod meta jaf ben tajjeb li l-affarijiet li qed jgħid ma jistgħux isiru b’dak il-mod.
Il-PN korrett u l-PL jinganna
Fil-fatt kif il-PN ippreżenta l-accounts tal-Partit għall-erba’ snin hu l-mod korrett li bih għandhom ikunu ppreżentati l-accounts. Minkejja dan, tal-Labour ikomplu jqarrqu bin-nies biex jippruvaw jaljenaw lill-poplu mill-problemi u l-kriżijiet li hawn fil-pajjiż u wkoll internament fil-PL li hu mifni bil-problemi interni.
Intemm billi nistaqsi: Kieku l-accounts ippreżentati tal-PN ma kenux korretti, kieku l-Kummissjoni Elettorali kienet tibgħat għalina u tagħmlilna d-domanda. Sal-lum il-Kummissjoni Elettorali aċċettat dak li ppreżenta l-PN għax hu korrett u għax hu skont il-Liġi u għaliex hu veritier.
Hemm barra l-PN jgħid il-verità… mhux kif għamel l-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni tal-PL li fl-accounts iddikjara li l-PL, waħdu, għandu €7 miljun dejn akkumulat, iżda mbagħad fi programm fuq it-televiżjoni qal li l-PL għandu €1 miljun dejn akkumulat! Għalfejn qiegħed jigdeb u ma jgħidx il-verità. X’qiegħed jaħbi?
Bdejna sena ġdida u l-PN hu determinat li jkompli jissaħħaħ kemm fuq l-aspett organizzattiv, amministrattiv u anki fil-fiinanzi tiegħu
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 12 ta’ Jannar, 2026.
//= $special ?>

