Il-protesti f’Minneapolis u bliet oħrajn fl-Istati Uniti ma waqfux minn ftit wara li nqatlet Renee Nicole Good – omm ta’ 37 sena, li kienet qed issuq meta waqqfuha l-aġenti tal-ICE, u insistew biex hi tinżel mill-vettura tagħha.
Fil-preżent teżisti sitwazzjoni taħraq fejn il-Gvern ta’ Trump u l-Amerikani li jappoġġjaw il-moviment tal-President qegħdin jgħidu li l-mara messha dan id-destin għaliex sfidat u imminaċċjat lill-aġenti tal-ICE waqt l-qadi ta’ dmirijiethom.
Iżda fl-istess ħin, mijiet ta’ eluf ta’ Amerikani, fosthom l-uffiċjali ta’ Minneapolis, qed jgħidu li l-qtil kien wieħed fuq stil terroristiku u li l-mara bl-ebda mod ma kienet ta’ theddida għall-aġenti – wisq anqas l-aġent li sparalha.
Huma qed jirreferu wkoll għal filmat fejn il-mara tidher bi tbissima hi u ddawwar il-karozza ‘lil hinn mill-aġenti tal-ICE. U qabel l-isparatura tinstema’ tgħid, dejjem bi tbissima, li hi ma kenitx irrabjata għall-aġenti li kienu waqqfuha bl-aktar mod aggressiv.
Issa, l-Amministrazzjoni ta’ Trump qed taħseb biex tibgħat mijiet ta’ uffiċjali federali lejn Minneapolis – bi Kristi Noem, is-Segretarju għal Homeland Security tisħaq li l-pass hu neċessarju biex l-aġenti tal-ICE u l-membri tal-Border Patrol ikomplu jaqdu dmirijiethom.
Sadanittant, ħafna osservaturi qed jgħidu li dan il-pass huwa żejjed u li għandu jwassal biss għal żieda fit-tensjoni u probabbiltà akbar ta’ inċidenti simili għall-każ ta’ Renee Nicole Good.
Fl-istess ħin, Kristi Noem qed tgħid li l-uffiċjali federali addizzjonali se jkunu qed jaslu f’Minneapolis bejn nhar it-Tlieta u l-Erbgħa. Hi wissiet ukoll li għandha tittieħed azzjoni ħarxa kontra kulmin jipprova jostakola l-ħidma ta’ dawn l-aġenti… Aġenti li r-residenti f’Minneapolis qed jakkużawhom b’aġir fuq stil Nażista.
Fl-aħħar ġranet kienu organizzati protesti kbar wara il-qtil tal-mara fi bliet bħal Austin, Seattle, New York u Los Angeles – bid-dimostrazzjonijiet mistennija jinfirxu għal bliet oħrajn matul il-ġranet li ġejjin.
Dan filwaqt li għexieren ta’ eluf, fi tmiem il-ġimgħa, attendew għal rally u march bit-tema ‘”ICE out of Minnesota”.
//= $special ?>

