Lokali Qorti

Jaqgħu l-proċeduri wara li mara tirrinunzja għall-akkużi ta’ vjolenza domestika minn żewġha

Quddiem il-Qorti tal-Maġistrati mara rrinunzjat l-akkużi kontra żewġha ta’ 43 sena, residenti s-Siġġiewi u li jaħdem bħala xufier bit-trakk, akkużat b’numru ta’ reati serji ta’ vjolenza domestika fil-konfront ta’ martu, fejn kkaġunalha ġrieħi ħfief. Il-mara hija omm iż-żewġt uliedu, ta’ 21 sena u sentejn.

L-akkużi miġjuba mill-Pulizija, immexxija mill-Ispettur Christian Cauchi, jirrigwardaw sensiela ta’ allegati fatti li seħħew bejn is-7 u t-30 ta’ Diċembru 2025, l-aktar fir-residenza tal-koppja. Skont l-att tal-akkuża, l-imputat allegatament uża vjolenza fiżika, morali u psikoloġika kontra martu, ikkaġunalha biża’ li setgħet tintuża vjolenza kontriha jew kontra l-proprjetà tagħha.

Ġie mixli wkoll li kkaġunalha offiżi ħfief f’diversi okkażjonijiet iċċertifikati minn tobba, għamel ħsara lil proprjetà tagħha, indahal illegalment fil-pussess tal-affarijiet tagħha u għamel ukoll theddid u ingurji fil-konfront tagħha. Dawn ir-reati kollha kienu aggravati mill-fatt li allegatament twettqu fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ żwieġ, fil-preżenza jew fl-ambjent tal-familja, u anke fil-preżenza ta’ minuri.

Ir-raġel wieġeb mhux ħati għall-akkużi kollha. Madankollu, waqt is-seduta, il-parte civile, rappreżentata mill-Avukat Delilah Vella, iddikjarat li l-allegata vittma xtaqet tirrinunzja għall-proċeduri kontra żewġha. Il-mara telgħet fuq il-pedana tax-xhieda u xehdet bil-ġurament li kienet qed tagħmel din id-deċiżjoni minn jeddha, mingħajr pressjoni jew sfurzar minn ħadd.

Hija spjegat li kienet tkellmet ma’ binha ta’ 21 sena kif ukoll ma’ ommha u missierha, u li d-deċiżjoni ttieħdet ukoll fid-dawl tal-istat ta’ saħħa ta’ żewġha, li kien rikoverat l-isptar ftit jiem qabel. Hija qalet li ilha miżżewġa 12-il sena u li kienet konxja li jekk tirrinunzja għall-każ, il-Qorti ma tkunx tista’ tagħtiha protezzjoni.

Il-Qorti għamlitha ċara diversi drabi li kienet se titlef id-dritt għal ordni ta’ protezzjoni u offritilha aktar żmien biex taħsibha, iżda l-mara insistiet li ma xtaqitx dewmien u li kienet ċerta mid-deċiżjoni tagħha. Hija kkonfermat ukoll li ħadd ma kien inkoraġġieha jew sfurzaha biex twaqqa’ l-akkużi.

L-avukati tad-difiża, Franco Debono u Adreana Zammit, sostnew li t-talba tal-mara kellha tiġi rispettata peress li kienet waħda volontarja u konxja, filwaqt li l-prosekuzzjoni nnotat li l-Pulizija xorta kellha provi li setgħu jippermettu li l-każ jitkompla ex officio. Wara li l-Qorti posponiet il-kawża temporanjament sabiex il-mara terġa’ tikkonsulta mal-avukat tagħha, hija reġgħet telgħet tixhed u kkonfermat mill-ġdid li ma xtaqitx tkompli bil-proċeduri.

Wara li kkunsidrat iċ-ċirkostanzi kollha, inkluż il-fatt li l-koppja hija miżżewġa u għandha żewġt itfal, li wieħed minnhom huwa minuri ta’ sentejn, u wara li ġiet sodisfatta li r-rinunzja kienet qed issir liberament, mingħajr pressjoni jew theddid, il-Qorti laqgħet it-talba tal-parte civile fl-aħjar interess tal-mara u tat-tfal, u ddeċidiet li l-proċeduri ma jitkomplewx.