Local

Wara l-fjask taż-żrar f’Ta’ Qali, il-poplu se jkollu joħroġ aktar flus mill-but biex jerġa’ jikber il-ħaxix

Il-Prim Ministru Robert Abela lbieraħ ikkonferma li l-poplu Malti se jkollu joħroġ aktar flus mill-but biex jerġa’ jikber il-ħaxix fil-picnic area f’Ta’ Qali, wara li dan l-ispazju pubbliku li kien jitgawda mill-familji ġie mgħarraq biż-żrar li tpoġġa fil-post u li diġà sewa lill-Maltin u l-Għawdxin spiża ta’ €300,000.

Wara li ilhom xhur jassiguraw lin-nies li l-proġett se jirnexxi, b’wegħda wara l-oħra, xahar wara l-ieħor, li s-sitwazzjoni se titjieb, ilbieraħ f’intervista fuq is-Super One mal-LovinMalta, Abela ammetta li dan il-proġett falla, u qal li n-nies m’għandhomx jistennew li jaraw ħaxix jitla’ f’Ta’ Qali – la f’Jannar u lanqas fi Frar – anke għax issa minn Marzu se jibdew il-kunċerti, waqt li issa ħabbrilna li l-Gvern ħatar espert Malti dwar il-ħaxix biex jassigura li dan jerġa’ jikber.

Dan jikkuntrasta ma’ dak li kien iddikjara Jason Micallef – id-Delegat Speċjali ta’ Abela stess, responsabbli mit-twettiq tal-manifest elettorali Laburista – li kien serrħilna rasna li mal-ewwel xita l-ħaxix se jerġa’ jikber.

Fuq is-Super One, Abela ma qalx kemm se jkollu joħroġ aktar flus il-Gvern għall-pariri tal-espert, issa li kellu jqabbad konsulent ieħor biex isolvi din it-tgħaffiġa. Ma kkummentax lanqas dwar il-fatti li ħarġu fl-aħħar ġimgħat u li jikkonfermaw li l-kisi tal-post biż-żrar sar b’direct order lil kuntrattur viċin ħafna tal-Prim Ministru, mingħajr ma nħarġet l-ebda sejħa pubblika għal tender, bla ma saru l-ebda studji dwar l-impatt ambjentali, u mingħajr ma nkisbu l-permessi ambjentali meħtieġa.

Sadanittant, hekk kif bi kliemu Abela kkonferma dan il-fjask u rema lil Jason Micallef, iċ-Chairman tal-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali kien pront jirritalja b’aktar attakki.

Micallef fetaħ attakk fuq it-Times of Malta li kienu intervistawh fuq il-post, u f’post fuq il-midja soċjali tiegħu attakka b’mod speċjali lill-editur tat-Times Herman Grech. F’post separat reġa’ attakka wkoll lill-podcaster Trudy Kerr li kien diġà attakkaha b’mod qawwi meta faqqgħet din is-saga, u għajjarha “podcaster falluta”.

Attakki li jsegwu l-attakk personali ta’ nofs Diċembru li għadda fuq ġurnalista ta’ Newsbook Malta u fuq ħuha, il-Kelliem tal-President ta’ Malta. Dawn l-attakki kienu ġibdu l-kundanna tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, l-IĠM, li ddeskrivihom bħala tentattiv ta’ bullying u intimidazzjoni fuq ġurnalisti, sempliċiment għax ikunu qed jagħmlu xogħolhom.

Aktar minn hekk, din is-saga qed tkompli tesponi wkoll il-qasma li hemm fil-Labour bejn il-fazzjonijiet differenti. Dan hekk kif l-istess Jason Micallef, wara l-kummenti tal-PM – f’kumment li jidher ċar lejn min hu indirizzat – kiteb li l-attenzjoni tiġi u titlaq, imma l-irġulija tibqa’ għal dejjem.

Micallef saħanistra kkummenta wkoll fuq post li tella’ d-Deputy Leader Laburista Alex Agius Saliba biex jippromwovi r-rally li se jorganizza l-Labour dil-ġimgħa biex ifakkar is-sitt anniversarju ta’ Abela bħala Prim Ministru. B’ton sarkastiku, Micallef staqsa lil Agius Saliba jekk fl-intervista li kellu fuq l-aħbarijiet tas-Super One dwar dan, tkellimx dwar il-ħaxix.

F’Diċembru Ministru ewlieni fil-Kabinett ta’ Abela kien ammetta li f’din is-saga “seta’ sar żball oħxon li se jiswa terz ta’ miljun ewro lill-poplu Malti”, waqt li kompla li ma ġara xejn, għax jekk il-ħaxix ma jitlax, il-Gvern jipprova xi ħaġa oħra.

Robert Abela lbieraħ fl-ebda ħin ma għamel apoloġija għall-atteġġjament ta’ Jason Micallef jew ikkundanna dawn l-attakki ta’ Jason Micallef, u b’hekk approva l-istil tal-Labour li jattakka lil min ma jaqbilx miegħu, inkluż il-midja li tagħmel id-domandi biex iżżommu kontabbli ta’ għemilu.