Lokali Qorti

56 xahar ħabs kull wieħed għal tlett irġiel fuq ħtif u serqa vjolenti f’Paceville

Tliet irġiel Sirjani nstabu ħatja u ġew ikkundannati għal sentenza ta’ 56 xahar ħabs kull wieħed wara li ħatfu u serqu raġel li kienu ltaqgħu miegħu f’lokal ta’ divertiment f’Paceville. Il-każ imur lura għat-12 ta’ Marzu 2023 u ġie deċiż mill-Qorti tal-Maġistrati, preseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech.

Il-Qorti semgħet kif Saleh Saleh, Mahmoud Farhoud u Mohamed Alkert daħlu f’klabb f’Paceville fejn il-vittma kien qed iqatta’ l-lejl ma’ sħabu. Wara li bdew jinteraġixxu mal-grupp, wieħed mill-imputati ħareġ sikkina u poġġieha ma’ dahar il-vittma, u ordnalu joħroġ magħhom mill-post kontra r-rieda tiegħu.

It-tlett irġiel tellgħu lill-vittma f’karozza Hyundai ħadra ta’ Saleh u saqu lejn Pembroke. Malli waslu, Farhoud, li kien bilqiegħda fuq is-seat ta’ quddiem, mar fuq wara flimkien ma’ Alkert u l-vittma. Il-Qorti semgħet kif Saleh, meta nduna x’kien se jiġri, allegatament ipprova jwaqqaf lil sħabu, iżda dawn bdew isawwtu lill-vittma, jagħtuh f’rasu u jaqbduh minn għonqu.

Beżgħan għal ħajtu, il-vittma ta l-ġojjellerija kollha li kellu fuqu u l-mobile phone tiegħu. Għalkemm aktar tard ingħata lura l-mobile, ġie mhedded li jinqatel jekk jirrapporta l-każ lill-Pulizija. Wara dan, il-vittma ġie mbuttat ’il barra mill-karozza u t-tliet irġiel telqu minn fuq il-post.

Is-serqa kienet tinkludi choker tad-deheb li missier il-vittma kien xtralu għal Lm1,500, li llum jammontaw għal madwar €3,750, katina oħra li kienet wirt tal-familja, ċurkett, brazzuletta u arloġġ. Il-vittma ċempel lil sħabu u rritorna Paceville, fejn lemaħ ronda tal-Pulizija qrib Baystreet u rrakkontalhom x’kien ġara.

Wieħed mis-sħab tal-vittma irrikonoxxa lil Saleh u sabu fuq Facebook, filwaqt li ż-żewġ imputati l-oħra ġew identifikati wkoll permezz tal-midja soċjali. Filmati tas-CCTV ikkonfermaw il-verżjoni tal-vittma u wasslu għall-arrest tat-tliet irġiel.

Fl-istqarrija tiegħu lill-Pulizija, Saleh ċaħad kull involviment u tefa’ t-tort fuq sħabu. Min-naħa tiegħu, Alkert qal lill-investigaturi li parti mid-deheb kien inbiegħ lil ħanut għal €1,750, iżda meta l-pulizija marret biex tirkupra l-oġġetti, id-deheb kien diġà nħaraq.

Skont Alkert, Farhoud ħa €250, filwaqt li l-bqija tal-flus inqasmu bejnu u bejn Saleh. Huwa żamm iċ-ċurkett u l-brazzuletta, filwaqt li Saleh żamm l-arloġġ tad-deheb. Dawn it-tliet oġġetti eventwalment ġew irkuprati u rritornati lill-vittma. Barra minn hekk, it-tliet imputati rrifondew lill-vittma €3,500.

Meta kkunsidrat il-piena, il-Qorti qieset is-serjetà tar-reati, in-nuqqas ta’ rimors muri mill-imputati u l-fatt li, minkejja li rrifondew parti mill-ħsara, huma xorta waħda ma ammettewx ħtijjithom. Il-Qorti saħqet li s-serqa twettqet waqt li l-vittma kien miżmum kontra r-rieda tiegħu u sofra ġrieħi ħfief, u għalhekk ma setax jingħata tnaqqis fil-piena.

Il-Qorti nnutat ukoll li l-imputati ma kkoperawx mal-uffiċjali tal-probation. Għalkemm il-vittma ddikjara li ma kellux aktar interess fil-proċeduri, dan affettwa biss l-akkuża ta’ ġrieħi ħfief, peress li din teħtieġ il-preżentata ta’ ilment formali mill-vittma.

Fl-aħħar mill-aħħar, it-tliet irġiel instabu ħatja ta’ serqa aggravata, li żammew lill-vittma kontra r-rieda tiegħu u li kkaġunawlu ġrieħi ħfief. Saleh instab ukoll ħati li ġarr sikkina f’post pubbliku u ġie mmultat €116.47, filwaqt li Farhoud u Alkert ġew illiberati minn din l-akkuża. Kull wieħed minnhom ġie kkundannat għal 56 xahar priġunerija, bi tnaqqis għall-perjodu li diġà qattgħu taħt arrest preventiv.

Il-Qorti rrakkomandat ukoll li, wara li jiskontaw is-sentenza tagħhom, it-tliet irġiel jiġu ddeportati mill-pajjiż mill-Uffiċjal Prinċipali tal-Immigrazzjoni.

L-ispetturi tal-pulizija Lydon Zammit, Stephen Gulia u Brian Xuereb mexxew il-prosekuzzjoni.