Raġel ta’ 52 sena ngħata ħelsien kondizzjonat għal tliet snin wara li ammetta li, b’ċajta, qal lill-istaff tal-‘ground handling’ fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta li kellu bomba fil-bagalja tal-idejn tiegħu. Il-każ instema’ t-Tlieta waranofsinhar quddiem il-Maġistrat Nadine Sant Lia.
L-akkużat, Martin Cepel, ġie mixli li għamel dikjarazzjoni falza lil persuna awtorizzata biex timmaniġġja l-bagalji fl-ajruport. L-Ispettur tal-Pulizija Karl Roberts spjega fil-qorti li kien ġie infurmat mit-tim tas-sigurtà tal-ajruport it-Tnejn filgħodu, wara li passiġġier Slovakk kien twaqqaf waqt kontroll ta’ rutina.
Meta ġie mistoqsi jekk kellux xi apparat elettroniku fil-bagalja tal-idejn, huwa wieġeb li kellu bomba. Ir-raġel ammetta l-akkuża miġjuba kontrih. Matul is-sottomissjonijiet dwar il-piena, l-Ispettur Roberts qal li l-akkużat ikkopera bis-sħiħ mal-istaff tal-ground handling, mas-sigurtà tal-ajruport u mal-Pulizija, u fl-ebda ħin ma wera atteġġjament ostili.
Żied jgħid li, fil-fehma tiegħu, l-akkużat kien qed jiċċajta fil-preżenza ta’ sħabu, iżda saħaq li l-liġi f’sitwazzjonijiet bħal dawn hija waħda ċara u ma tħalli l-ebda lok għal interpretazzjoni. Kemm il-Prosekuzzjoni kif ukoll id-Difiża qablu li f’dan il-każ kienet xierqa sentenza ta’ ħelsien kondizzjonat, filwaqt li ġie rrimarkat li ma kien hemm l-ebda intenzjoni malizzjuża minn naħa tal-akkużat.
Il-Qorti laqgħet din ir-rakkomandazzjoni u ordnat li Martin Cepel jingħata ħelsien kondizzjonat għal perjodu ta’ tliet snin. Il-kawża kienet ippreseduta mill-Maġistrat Nadine Sant Lia. L-Ispettur Karl Roberts mexxa l-prosekuzzjoni, filwaqt li l-Avukat Ryan Ellul deher għall-akkużat.
//= $special ?>

