Lokali

“Din ir-rivista saret parti mill-kultura Maltija” – 50 sena tar-rivista Sagħtar

Ir-rivista Sagħtar bdiet fl-1971 mill-Moviment Qawmien Letterarju, bl-iskop li jitrawwem sens ta’ identità fost il-Maltin u l-Għawdxin – kemm fil-qasam letterarju kif ukoll artistiku.

Ritratt: Martin Agius

Għal perjodu qasir ta’ 5 snin din ir-rivista waqfet milli tiġi stampata; madanakollu wara żmien ta’ ristrutturar, fl-2020 l-MUT waqqfet proprju l-Fondazzjoni Sagħtar sabiex tieħu ħsieb din ir-rivista li toħroġ b’żewġ formati – dak stampat kif ukoll verżjoni diġitali.

Net News tkellem mal-Viċi President Anzjan tal-MUT Elaine Germani fejn tkellmet dwar l-importanza ta’ din ir-rivista tul is-snin. Hija spjegat ukoll li mhux biss hemm ir-rivista Sagħtar, iżda fl-aħħar xhur beda jiġi stampat ukoll is-Sagħtarin, rivista apposta għal tfal mil-livell ta’ Kindergarten sat-tieni sena tal-primarja.

Ritratt: Martin Agius

Elaine Germani li hija wkoll Chairperson ta’ Fondazzjoni Sagħtar, saħqet li l-Fondazzjoni Sagħtar tippubblika wkoll rivisti li jitqassmu b’xejn, fost l-oħrajn dwar il-ħajja adulta u temi oħrajn, bħall-vjolenza domestika abbażi tal-ġeneru.

Dawn ir-rivisti joħorġu matul il-perjodu tal-iskola, ċioè minn Ottubru sa Mejju b’materjal edukattiv kemm għall-edukaturi kif ukoll għall-istudenti.