Il-possibbiltà li Marine Le Pen tikkuntesta għall-Presidenza ta’ Franza qed tiddependi minn appell kontra ruling tal-Qorti li jipprojbiha milli tikkuntesta għal kariga pubblika għal minimu ta’ ħames snin.
Le Pen, għal snin simbolu tal-estremisti tal-lemin Franċiżi, is-sena l-oħra nstabet ħatja dwar abbuż ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea. U jekk kemm-il darba l-Qorti ta’ Pariġi tikkonferma l-verdett, hi mhix se tkun tista tisfida għall-Presidenza ta’ pajjiżha fil-vot nazzjonali tas-sena d-dieħla.
Marine Le Pen, fl-aħħar kummenti lill-media, qalet li tinsab ottimista li l-verdett jinqaleb waqt li Jordan Bardella, il-President tal-partit tagħha – ir-Rally Nazzjonali – sostna li l-proċess demokratiku ta’ pajjiżu jieħu daqqa ta’ ħarta f’sitwazzjoni fejn hi ma tikkuntestax l-elezzjoni.
Bardella, fl-istess ħin, qal li mgħandux ambizzjonijiet biex isir hu President ta’ Franza f’sitwazzjoni favorevoli għalih u l-partit tiegħu. Hu sostna li jkun ‘kuntent’ bir-rwol sekondarju ta’ Prim Ministru jekk kemm-il darba l-affarijiet jippermettu.
Il-każ li ressqet Le Pen fil-Qorti tal-Appell f’Pariġi għandu jdum jinstama’ sat-12 ta’ Frar — madankollu mhux mistenni li r-ruling deċiżiv tal-Qorti jingħata qabel is-sajf.
L-akkużi tas-sena l-oħra sostnew li Le Pen, flimkien ma’ xi 20 uffiċjal ieħor tar-Rally Nazzjonali, ingaġġaw lill-assistenti biex jaħdmu fuq l-affarijiet konnessi mal-Partit estremista Franċiż aktar milli l-affarijiet relatati mal-Parlament Ewropew li kien qed iħallas lill-istess assistenti mill-fondi allokati.
Il-verdett sostna li Marine Le Pen kienet ‘l-ixprun għal din is-sistema qarrieqa’ karatterizzta mill-frodi u li swiet madwar tlett miljun ewro mill-fondi tal-Ewropa.
Le Pen kienet ingħatat sentenza ta’ erba’ snin ħabs – b’sentejn minnhom sospiżi u bit-tnejn l-oħra jirrikjedu li hi tilbes tag elettroniku minflok tinżamm taħt arrest. Hi anki weħlet multa ta’ €100,000 fost il-konferma li spiċċat ipprojbita milli tipprova għal kwalunkwe kariga pubblika b’effett immedjat.
‘Il fuq minn 20 membru tar-Rally Nazzjonali ukoll kienu nstabu ħatja waqt il-ġuri tas-sena l-oħra, b’dan il-partit jispiċċa jħallas multa ta’ żewġ miljun ewro – b’nofs dan l-ammont ikun sospiż. Fil-preżent, ħdax minn fost il-kollegi ta’ Le Pen ukoll qegħdin jappellaw, bi 12 oħra jiddeċiedu li ma jikkuntestawx il-verdetti oriġinali.
//= $special ?>

