Internazzjonali

Greenland: Futur taħt il-lenti fost l-istennija għat-taħditiet f’Washington

Il-Viċi-President tal-Istati Uniti, JD Vance u s-Segretarju tal-Istat Amerikan, Marco Rubio, għada l-Erbgħa, jiltaqgħu mal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tad-Danimarka u Greenland fil-White House…Dan fost it-tħassib kbir dwar id-destin ta’ Greenland – territorju ta’ importanza strateġika kbira fl-Artiku li l-politika tad-difiża tiegħu ilha s-snin determinata mill-Gvern Daniż.

It-territorju ta’ Greenland, bħalissa, jinsab fuq fomm kulħadd meta l-President Amerikan Donald Trump qed ikompli jinsisti li l-art inkwistjoni, ‘il quddiem, għandha tkun ikkontrollata mill-Amerikani ‘bis-sewwa jew bid-dnewwa’.

F’dan ix-xenarju, il-Ministru Daniż għall-Affarijiet Barranin, Lars Lokke Rasmussen u l-Ministru ta’ Greenland bl-istess dekasteru, Vivian Motzfeldt, talbu għal din il-laqgħa ma’ Rubio bit-tama li tonqos it-theddida Amerikana fil-konfront tat-territorju semi-awtonomu.

Rasmussen qal ukoll li t-taħditiet imminenti mal-Amerikani li se jsiru wiċċ-imb-wiċċ għandhom ikunu sinifikanti ħafna għall-futur ta’  Greenland u meta l-Istati Uniti qed tkompli tinsisti bil-politika ta’ espansjoni għall-iskaptu tar-residenti ta’ dan it-territorju u d-Danimarka li dejjem kienu alleati leali ta’ Washington,

Intant, ftit hemm tamiet li l-Amerikani jistgħu jkunu flessibbli fiċ-ċirkustanzi – bil-President Trump qed jirrifjuta li jeskludi l-forza militari biex jaċċerta mill-kontroll ta’ Greenland għall-Amerikani.