Każ ta’ qtil li jmur lura kważi 18-il sena beda jinstema’ quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera hekk kif beda ġuri relatat ma’ omiċidju li seħħ f’Ħal Qormi fl-2008. Parti mix-xhieda se tkun bil-maġħluq minħabba s-sensittività tal-każ.
Stephen Caruana, ta’ 45 sena u residenti Ħal Qormi, huwa akkużat b’serje ta’ reati gravi relatati ma’ mewt ta’ persuna oħra li saret fir-residenza tiegħu. L-inċident seħħ nhar is-19 ta’ Diċembru 2008, meta l-vittma Neville Baldacchino li dak iż-żmien 28 sena, l-istess età tal-akkużat ġarrab feriti li wasslu għall-mewt wara li kienu ġew sparati erba’ tiri li tlieta minnhom laqtu lill-vittma, b’dak vitali jolqtu f’rasu.
Fl-awla 22 tal-Qorti l-prosekuzzjoni qed takkuża lil Stephen Caruana li ppjana u wettaq b’mod deliberat l-att li wassal għall-mewt tal-vittma, billi sparalu f’post abitat. L-akkużat jiffaċċja akkużi serji ta’ omiċidju volontarju, li jekk jinstab ħati jistgħu jwasslu għal għomor il-ħabs.
Fl-att tal-akkuża l-prosekuzzjoni qed tgħid li l-mara tal-akkużat kienet iżżewġet lil Stephen Caruana fl-10 ta’ Marzu 2000, u flimkien kellhom erbat itfal. Il-ħajja miżżewġa tagħhom kienet waħda normali sa meta ħadet żvolta għall-agħar meta l-imħabba bejniethom għaddiet minn mument diffiċli li wassal biex il-mara bdiet relazzjoni amoruża ma’ Neville Baldacchino.
Din ir-relazzjoni, li bdiet isir moħbi mill-akkuzat, evolviet ukoll f’waħda sesswali u kienet tinvolvi laqgħat li fihom it-tnejn kienu intimi ma’ xulxin. Il-konverżazzjoni bejniethom dwar il-problemi fil-ħajja miżżewġa tagħhom qatt ma saret, u Stephen Caruana beda jissuspetta li kien hemm xi ħaġa mhux normali.
L-akkuża tgħid ukoll li l-fatt, wara ftit ġimgħat, Stephen Caruana daħal fuq martu waqt li kienet qed titkellem fuq mal-vittma u ħadilha l-mobile biex jiċċekkja x’kien qed isir. Neville Baldacchino kien diġà familjari mal-post, peress li kien mar id-dar ta’ Caruana diversi drabi qabel biex jiltaqa’ ma’ mart l-akkużat.
Nhar it-18 ta’ Diċembru 2008, il-mara tal-akkużat u Neville qablu li filgħaxija, ladarba Stephen u t-tfal tiegħu kienu raqdu, Baldacchini seta’ jidħol fid-dar, u hekk ġara. Wara li Baldacchino daħal fil-kamra tas-sodda fuq is-sular ta’ fuq, kellhom skambju sesswali u amoruż, waqt li Stephen Caruana flimkien mat-tfal kien suppost rieqed isfel.
Meta deher li spiċċa kollox għsll-ħabta tas-siegħa ta’ filgħodu tad-19 ta’ Diċembru, Romina niżlet isfel biex tisqi lit-tifla tagħhom u ċċekjat li żewġha kien għadu rieqed, sabiex tagħti sinjal lil Neville biex joħroġ mir-reżidenza.
Fil-ħin u l-mument li Stephen, sema’ passi u tela’ fuq it-terrazzin fejn sab lil Neville Baldacchino. F’dan il-mument, Stephen kellu għażla bejn li joqtol lil Neville jew iħallih jgħix.
Huwa għażel li jiġbed il-grillu tas-senter tiegħu u spara erbgħa darbiet, minn liema tliett tiri laqtu lil vittma u kkaġunawlu l-mewt. Stephen ried jiżgura li Neville kellu jmut, u għalhekk l-azzjoni tiegħu kienet intenzjonata u premeditata. Wara li sar dak li ried, niżel isfel u spjega x’kien ġara lill-martu.
Għalhekk, b’għemilu, qed tgħid l-prosekuzzjoni Stephen Caruana sar ħati ta’ omiċidju volontarju, hekk kif nhar id-19 ta’ Diċembru 2008 għall-ħabta tas-1:00 a.m., ġewwa l-fond Carm Joe, Triq id-Drama, Qormi, Malta, b’intenzjoni ċara li joqtol lil Neville Baldacchino jew li jqiegħed il-ħajja tiegħu f’periklu ċar, u kkaġunalu l-mewt.
It-tieni Kap tal-akkuża tgħid li l-akkużat ikkommetta d-delitt bl-użu ta’ arma tan-nar. Din tgħid li l-akkużat Stephen Caruana meta qam, sema’ ħsejjes ġejjin mis-sular ta fuq, inkluż ħsejjes ta’ passi.
Għalhekk l-akkuzat mar u sab l-arma tan-nar tiegħu, tal-marka Benelli, kkaragaha, tela’ fuq u hemm sab lill-vittma Neville Baldacchino. Meta sab lil Neville Baldacchino, ġibed il grillu tal-arma tan-nar, total ta’ erba darbiet. Riżultat ta’ dawn it-tiri li laqtuħ, Neville Baldacchino miet.
Wara li kkommetta dan ir-reat fuq il-persuna ta’ Neville Baldacchino, l-akkuzat Stephen Caruana niżel isfel, poġġa l-arma tan-nar fuq il-gradenza qisu xejn m’hu xejn. Ħdejn l-arma tan-nar, ġiet innutata ukoll kaxxa tal-iskrataċċ tat-tip Clever Mirage gauge 12.
It-tielet Kap ta’ akkuża tgħid li l-akkużat spara ta’ arma tan-nar f’post abitat, cioe fir-residenza fejn il-familja tal-akkuzat Stephen Caruana kienet tabita. Il-prosekuzzjoni qed tgħid li biex seħħ dan l-omiċidju tant viljakk, l-akkuzat Stephen Caruana spara l-arma tan-nar, total ta’ erba’ darbiet, u tlieta minn dawn it-tiri laqtu lill vittma.
Tir minnhom laqat lil Baldacchino f’rasu, ieħor laqtu f’idejħ u ieħor laqtu f’siequ. L-akkużat b’dawn it-tiri fit-terrazzin tad-dar tiegħu stess, ried ikun ċert li Neville Baldacchino jmut. Għal Caruana qegħdin jidhru Gianella Demarco u Charles Mercieca, filwaqt li l-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Francesco Refalo u Shelby Aquilina mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
//= $special ?>

