Lokali Qorti

Il-Qorti tal-Appell tnaqqas il-kumpens lil mara wara li ‘swab’ tħalla f’żaqqha għal tliet xhur

Mara li sofriet minn trawma serja wara li ‘swab’ kbir tħalla f’żaqqha għal tliet xhur wara operazzjoni f’Mater Dei Hospital rat il-kumpens li kien ingħatalha mill-ewwel qorti jitnaqqas b’mod sostanzjali mill-Qorti tal-Appell. Il-kumpens naqas minn €119,605 għal €46,095.65, skont sentenza mogħtija t-Tlieta.

Il-Qorti tal-Appell qalet li, minkejja r-rispett kollu lejn ix-xogħol imwettaq minn nisa tad-dar, il-kalkolu tal-kumpens irid isir fuq il-bażi tal-paga minima u mhux tal-paga medja. Barra minn hekk, il-qorti rrevediet ukoll il-perċentwal ta’ diżabbiltà permanenti li sofriet il-mara, u niżżlitu għal 34 fil-mija minflok l-40 fil-mija stabbilit mill-ewwel qorti.

Il-każ jirrigwarda lil Mary Vassallo, li fl-2014 għaddiet minn intervent ta’ laparoscopic (teknika kirurġika fejn tubi qosra u dojoq jiddaħħlu fiż-żaqq f’inqas minn ċentimetru) li ġie kkonvertit għal operazzjoni miftuħa ta’ cholecystectomy (kirurġija biex tneħħi l-marrara).

Wara l-operazzjoni, hija bdiet tbati minn uġigħ persistenti u ħruġ ta’ demm u qtar, li żammewha milli tgħix ħajja normali. Minkejja bosta żjarat fl-isptar u f’ċentri tas-saħħa, il-problema baqgħet ma ntsabitx sakemm, tliet xhur wara, infermiera f’ċentru tas-saħħa sabet u neħħiet ‘swab’ kwadru ta’ madwar 10 pulzieri li kien tħalla f’żaqqha.

L-awtoritajiet tal-isptar kienu offrew kumpens ta’ €20,000, offerta li l-mara rrifjutat u ddeskrivitha bħala “miżerabbli”. Hija għalhekk fetħet kawża kontra t-tobba u kontra Mater Dei Hospital. Fl-ewwel istanza, il-qorti laqgħet it-talbiet tagħha u kkonkludiet li s-‘swab’ kien tħalla b’mod żbaljat waqt l-operazzjoni, u li l-mara kienet sofriet tliet xhur ta’ dehiscence tal-ferita u telf kontinwu ta’ demm. Għaldaqstant, l-awtoritajiet tal-isptar ġew ordnati jħallsu kumpens ta’ €119,605.

Madankollu, l-awtoritajiet appellaw mis-sentenza. Il-Qorti tal-Appell ikkonfermat is-sejbiet tal-ewwel qorti dwar ir-responsabbiltà, u qablet li s-swab kien tħalla fil-ġisem tal-mara waqt l-operazzjoni f’Mater Dei Hospital. Madanakollu, aċċettat it-talba biex il-kumpens jiġi rivedut.

Il-qorti qalet li, skont il-ġurisprudenza, id-dħul ta’ mara tad-dar għandu jiġi kkalkulat fuq il-bażi tal-paga minima. Fis-sena 2014, meta saret l-operazzjoni, il-paga minima annwali kienet ta’ €8,615.36, u mhux is-somma ta’ €1,700 fix-xahar li kienet użat l-ewwel qorti fil-kalkoli tagħha.

Wara dawn ir-reviżjonijiet, il-Qorti tal-Appell iddeċidiet li Mary Vassallo għandha tingħata kumpens ta’ €46,095.65, b’hekk naqqset b’mod sinifikanti s-somma oriġinarjament mogħtija fl-ewwel sentenza.