Matul it-tieni jum tal-ġurin li qed jinstema’ f’Awla 29, il-Qorti semgħet aktar xhieda kruċjali u ntwera filmat tal-istqarrija li l-akkużat kien ta lill-Pulizija wara l-arrest tiegħu. Dan hekk kif il-Qorti Kriminali preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri qed tisma’ l-każ fejn il-ġurati se jkunu qed jiddeterminaw jekk Noel Azzopardi, akkużat bil-qtil ta’ Eric Borg, għandux jgħaddi ġuri, hekk kif se tkun determinata is-saħħa mentali tiegħu.
Eric Borg, żagħżugħ ta’ 27 sena mir-Rabat kien inqatel fl-2024 fi sparatura fl-ewwel tas-sena tal-2024, fi Triq il-Fidloqqom, fl-inħawi tan-Nigret, fir-Rabat. Il-kwistjoni li trid tiġi deċiża hi jekk Azzopardi ta’ 41 sena kienx fi stat ta’ ġenn jew le, skont il-liġi, fil-mument tar-reat. B’hekk, se jkun determinat jekk kienx fi stat ta’ ġenn jew le.
Il-filmat tal-istqarrija kien suġġett għal mistoqsijiet mill-avukat mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Kevin Valletta lix-xhud, is-Supretendent Gordon Scerri, li ġie mistoqsi għalfejn l-interrograzzjoni damet kważi sagħtejn. Scerri spjega li dan kien minħabba s-serjetà estrema tal-każ u żied jgħid li, qabel beda l-filmat, l-akkużat kien indika b’mod ċar li ma kellu l-ebda intenzjoni li jagħti informazzjoni lill-Pulizija.
Minkejja dan, mill-filmat jidher li l-mistoqsijiet inizjali tal-investigaturi kienu dwar aspetti personali tal-akkużat, fosthom id-delizzji tiegħu u l-ħinijiet li s-soltu kien imur l-għalqa. Is-Supretendent Scerri spjega li din kienet teknika investigattiva biex jinbena rapport u komunikazzjoni mal-akkużat, pass meqjus importanti fil-proċess ta’ interrogazzjoni.
Aktar tard, fuq il-pedana tax-xhieda tela’ l-Assistent Kummissarju Keith Arnaud, li dak iż-żmien kien Supretendent tal-Pulizija. Huwa rrakkonta kif kien irċieva telefonata dwar każ ta’ omiċidju u ġie infurmat li kien hemm persuna mejta fi triq fir-Rabat.
Qal li mal-wasla tiegħu fuq il-post, waslu wkoll familjari tal-mejjet, li kkonfermaw l-identità tal-vittma u indikaw lill-Pulizija min seta’ kien involut. Arnaud żied li, meta beda l-proċess tal-arrest, ġie infurmat li l-akkużat kien fl-Għassa tar-Rabat fejn kien qed jagħmel rapport dwar l-isparatura stess.
L-Assistent Kummissarju qal ukoll li saru testijiet ta’ gunshot residue u sostna li matul il-proċess kollu kien hemm komunikazzjoni tajba mal-akkużat. Skont ix-xhieda tiegħu, l-akkużat kien kalm, f’sikktu u kkoopera mal-Pulizija, fehem l-istruzzjonijiet li ngħata u fl-ebda ħin ma deher li kien ta’ periklu.
Dwar l-armi, Arnaud qal li mid-dar tal-akkużat ġew elevati diversi snieter li kollha kienu rreġistrati fuq ismu u miżmuma legalment. Madankollu, wieħed minn dawn is-snieter, li nstab moħbi wara grandfather clock, irriżulta li kien allegatament l-arma użata fil-qtil.
Huwa spjega wkoll li mill-eżamijiet li saru fil-kamra mortwarja deher li t-tir kien sparat minn distanza qasira, fatt li aktar tard ġie kkonfermat mill-esperti tal-ballistika wara li saru testijiet fuq id-dmija. Mistoqsija minn wieħed mill-ġurati dwar il-liċenzji tal-armi, l-Assistent Kummissarju wieġeb li saru verifiki fis-sistema u mal-unità responsabbli, u rriżulta li ma kien hemm l-ebda irregolarità fir-rigward tal-liċenzji tal-akkużat.
Il-Qorti semgħet ukoll ix-xhieda ta’ Kaylen Borg, li kien inkarigat mit-teħid tar-ritratti fuq il-post tad-delitt. Mill-immaġini li ntwerew fl-awla, dehret karozza Volvo bajda pparkjata mal-bankina fejn il-vittma kien mixħut mal-art taħt liżar abjad.
Dehru wkoll żewġ feriti viżibbli fuq il-vittma, waħda fuq dahru u oħra fuq in-naħa tal-lemin ta’ ġenbu, kif ukoll ritratti tal-arma użata, shotgun.
Matul is-seduta nqraw ukoll xhieda ta’ persuna barranija li kienet tgħix Malta u li rat dak kollu li ġara, iżda li ma setgħetx tkun preżenti għax ma tinsabx fil-pajjiż.
Ftit wara, telgħet fuq il-pedana tax-xhieda omm l-akkużat, Antoinette Azzopardi, li għarfet lil binha fl-awla. Madankollu, wara li inizjalment indikat li kienet lesta tixhed, il-kawża ġiet posposta għal ftit ħin u meta reġgħet issejħet, hija għażlet li ma tagħtix xhieda. L-istess għamlu missier l-akkużat, Carmeno, u oħtu Lou Grace, li wkoll għarfu lill-akkużat iżda eżerċitaw id-dritt li ma jixhdux.
Xehdu wkoll familjari tal-vittma. Oħtu, Elaine, qalet li dakinhar kienet qed tiekol mal-familja f’ristorant fin-Naxxar u għall-ħabta tat-3:30 ta’ waranofsinhar kienu ħerġin meta rċevew telefonata li kien seħħ xi ħaġa fi Triq il-Fidloqqom fir-Rabat. Qalet li, meta waslu fuq il-post, il-Pulizija staqsewhom jekk kellhomx xi suspett u hija semmiet lil Noel, u sostniet li ħuha kien qalilha li kien qed idejqu.
Elaine rrakkontat li madwar ġimagħtejn qabel id-delitt, ħuha kien qalilha “reġa’ għamilieli”, u meta staqsietu x’kien ġara, qalilha li l-akkużat kien reġa’ waqqfu bil-karozza u ffastidjah diversi drabi. Hija żiedet li l-akkużat kien ukoll jiffastidja lil missierhom, billi jdur fit-triq tagħhom u jwaqqafhom bil-karozza.
Ix-xhieda tagħha ġiet ikkonfermata minn missier il-vittma, Nicholas, li rrakkonta episodju partikolari fejn l-akkużat kien ħiereġ minn sqaq bil-karozza b’mod aggressiv, u hu kellu jirriversja lura għal distanza ta’ madwar 50 sa 60 metru. Huwa qal ukoll li dakinhar tad-delitt kien mar l-għalqa tiegħu fil-Buskett u aktar tard kiel mal-familja fin-Naxxar, qabel ma rċevew telefonata li kienet seħħet sparatura.
Meta wasal fuq il-post u ra lill-Pulizija, Nicholas qal li staqsa x’kien ġara u kien hawnhekk li qalulu li “Eric m’għadux magħna”. Mistoqsi min jaħseb li seta’ kien responsabbli, huwa semma lill-akkużat b’ismu, u spjega li kien hemm diversi inċidenti preċedenti bejniethom. Huwa żied li l-akkużat kien anke għamel xi rapporti fil-konfront tiegħu, li ddeskrivihom bħala relatati ma’ affarijiet banali.
Jinstemgħu aktar xhieda dwar l-armi u l-evidenza ballistika
Wara waqfa ta’ madwar sagħtejn għall-kolazzjoni, il-ġurin kompla jinstema’ b’sensiela ta’ xhieda li ffukaw fuq il-liċenzji tal-armi u l-evidenza ballistika marbuta mal-qtil li seħħ fir-Rabat. L-ewwel xhud kienet is-Surġent Janice Giordimaina mill-għassa tar-Rabat, li ppreżentat quddiem il-qorti dokumentazzjoni relatata mal-armi tan-nar li kellu rreġistrati Noel Azzopardi.
Mis-sistema tal-Pulizija rriżulta li Azzopardi kellu sitt armi tan-nar, kollha snieter, irreġistrati legalment fuq ismu. Is-Surġent spjegat li fl-2002 huwa kien kiseb għall-ewwel darba liċenzja biex jikkaċċja fuq l-art, għalkemm dak iż-żmien ma kellux armi rreġistrati. Sena wara kiseb ukoll il-liċenzja għall-kaċċa tal-fenek u applika biex jixtri arma tan-nar. Matul is-snin, Azzopardi kompla jġedded u jespandi l-liċenzji tiegħu, fosthom liċenzja għal ‘target shooting’ tal-plattini fl-2020 u liċenzja għall-kaċċa fuq il-baħar fl-2018.
Hija xehdet li bejn l-2002 u l-2023 l-akkużat dejjem ħallas biex iġedded il-liċenzji tiegħu u qatt ma kien hemm irregolaritajiet amministrattivi. L-armi li kienu nxtraw tul is-snin kienu fl-2009, 2011, 2012, 2016, 2018 u fl-2022. Id-dokument ippreżentat fl-awla kien jindika l-kelma “ceased”, li s-Surġent spjegat li tirreferi għall-fatt li l-armi kollha ġew ikkonfiskati mill-Pulizija wara l-qtil.
Wara x-xhieda tagħha, telgħu flimkien fuq il-pedana l-Kuntistabbli Patrick Farrugia u s-Surġent Ian Farrugia mis-sezzjoni tal-ballistika. Huma xehdu dwar il-ħidma li saret fuq ix-xena tad-delitt fir-Rabat, fejn instab il-katavru ta’ raġel mixħut fuq il-bankina. Madwar il-katavru, skont ix-xhieda, instabu wkoll skrataċ ta’ kalibru 12, tip ta’ munizzjoni li tintuża f’snieter tal-kaċċa.
Ix-xhieda spjegaw li fuq il-post inħadem diżinn dettaljat tax-xena tal-inċident, li wera l-pożizzjoni tal-iskrataċ, l-esebiti u l-vetturi pparkjati fit-triq. Wara dan, l-uffiċjali daħlu fid-dar tal-akkużat, fejn ġew identifikati u elevati diversi armi tan-nar li kienu ġew ikkampjonati għad-DNA. Arma oħra nstabet moħbija wara grandfather clock fis-salott, filwaqt li arma addizzjonali ġiet elevata minn fuq gwardarobba f’kamra tas-sodda fis-sular ta’ fuq.
Is-Surġent Farrugia spjega wkoll li fit-2 ta’ Jannar saret l-awtopsja fuq il-katavru, li kkonfermat li l-vittma kienet intlaqtet minn żewġ tiri ta’ arma tan-nar. Tir wieħed kien daħal minn nofs dahru b’angolu, filwaqt li t-tieni kien laqtu fuq in-naħa leminija ta’ sidru. X-rays li saru fuq il-katavru wrew ukoll konċentrazzjonijiet ta’ ċomb, li kkonfermaw il-feriti kkawżati mill-isparaturi.
L-armi kollha elevati ġew eżaminati u ‘test-fired’, u nġabru skrataċ vojta minn kull arma biex jintużaw bħala kampjuni għall-analiżi. Ix-xhud qal li dan l-eżerċizzju ħa fit-tul minħabba n-numru ta’ armi li kellhom jiġu eżaminati. Rigward id-distanza bejn l-akkużat u l-vittma fil-mument tad-delitt, ġie stabbilit li għal tir wieħed id-distanza kienet ta’ madwar 1.06 metri, filwaqt li għat-tieni tir kienet ta’ madwar 1.50 metri, ikkalkulati mit-tarf tal-arma minn fejn ħareġ l-iskartoċċ. Il-ġurin ikompli jinstema’ l-Erbgħa, b’iktar xhieda.
Il-każ se jinstema’ quddiem l-Imħallef Neville Camilleri u għall-akkużat qed jidhru l-Avukati Arthur Azzopardi u Nicole Vassallo. L-Avukati Kevin Valletta u Kylie Bonett qed imexxu l-Prosekuzzjoni filwaqt li l-Avukat Joe Giglio qed jidher bħala parte civile fil-każ għan nom tal-famijari tal-vittma.
//= $special ?>
