Lokali

Jammettu l-falliment totali tar-ramel fil-picnic area f’Ta’ Qali

Sa Diċembru, il-picnic area ta’ Ta’ Qali kellha tkun mimlija ħaxix – tal-inqas hekk kien qal f’intervista mat-Times of Malta Jason Micallef fejn kien saħansitra qalilhom li kien se jistieden il-ġurnalisti għal festin proprju f’Diċembru biex igawdu l-ħaxix.

Il-kwistjoni mhux biss li ma kibirx il-ħaxix, kif kien imbassar, imma li biex inxteħet ir-ramel u żrar fuq fejn issoltu jgawduh il-familji bil-ħaxix intefqu €300,000.

It-Tnejn filgħodu, il-ġurnalisti staqsew lid-Deputat Mexxej Laburista Alex Agius Saliba dwar il-fatt li l-Prim Ministru Robert Abela stqarr li l-ħaxix fix-xhur li ġejjin mhux se jikber – u saħansitra qal li qabdu espert biex jgħidilhom dan.

Ir-risposta inizjali ta’ Agius Saliba s’intendi kienet mimlija partiġjaniżmu – minkejja li l-fatti huma li huma.

Agius Saliba ta x’jifhem li żbalji u intoppi dejjem jinqalgħu – iżda l-kwistjoni hi li għall-iżball tal-Gvern Laburista, il-familji Maltin ħallsu mat-€300,000 minn buthom talli ma jistgħux igawdu dan l-ispazju, li sa sena ilu kienu għadhom igawduh.

Intant, Agius Saliba insista li bħalma qal il-Prim Ministru, issa tqabdu xi esperti biex jaraw x’jista jsir.

Madanakollu d-domanda hija waħda awtomatika…. għalfejn dawn l-esperti ma tqabdux qabel ħalli konna nevitaw din is-saga kollha?

Jason Micallef, minn naħa tiegħu, ma ħa tajjeb xejn il-fatt li l-Prim Minsitru Robert Abela waqqa’ l-kelma tiegħu; partikolarment wara li beda jhedded in-nies li jressaqhom il-Qorti għaliex qalu kontra l-isfreġju li għamel f’din iz-zona.