Ramel u żrar kull fejn tħarres – hija din is-sitwazzjoni fil-picnic area ta’ Ta’ Qali. B’kuntrast ma’ dak li prova jagħti x’jifhem id-Delegat Speċjali tal-Partit Laburista Jason Micallef.
Dan hekk kif wara li l-Prim Ministru Robert Abela ramih kompletament, Micallef reġa’ irħiela għal fuq Facebook biex jiddefendi l-proġett ta’ Ta’ Qali li ġie kritikat minn bosta.
Fuq il-media soċjali, l-esponent tal-Labour li jieħu ħsieb il-Parks Nazzjonali kiteb kif wara erbat ijiem ta’ maltemp u f’jum stupend bħal dak tat-Tnejn l-ispazji enormi li inħolqu jew tjiebu Ta Qali fl-aħħar snin għall-familji jidhru “sbieħ wisq”. Iżda fir-ritratti, evita għal kollox li juri l-isfreġju li wettaq fil-picnic area – mossa li swiet lill-poplu Malti 300,000 ewro.


Fil-kitba tiegħu hu stqarr li fil-preżent il-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali għandu ħames spazji miftuħa għall-picnics u attivitajjiet ta’ kull xorta għall-familja.
Iżda l-filmati meħuda t-Tlieta minn dan l-istazzjon jikkonfermaw li l-istrateġija ta’ Micallef kienet sempliċiment intiża biex ixerred aktar fake news u jipprova jiġġustifika dan li sar f’Ta’ Qali.
Din is-saga kompliet tikber wara li l-Prim Ministru Robert Abela, f’intervista l-Ħadd filgħodu, qal li hu flimkien mat-tim tiegħu kellhom jintervjenu. U spiċċa ammetta li f’din iz-zona l-affarijiet setgħu saru aħjar, dan hekk kif il-ħaxix mhux se jitla’ fix-xhur li ġejjin – konferma ta’ falliment, u li l-Gvern spiċċa tajjar eluf ta’ ewro mit-taxxi tan-nies.
L-ispiża għall-materjal, li issa il-Prim Ministru kkonferma li mhux se jitla ħaxix minnu mingħajr intervent… kienet tiswa’ aktar minn €311,000.
Barra minn hekk minn Freedom of Information Request, sar magħruf li ma kien inħareġ l-ebda tender għal dan ix-xogħol.
//= $special ?>

