Lokali

Jinħeles minn diversi akkużi iżda jintbagħat 30 xahar ħabs fuq riċetazzjoni u reċidiva

Il-Qorti tal-Maġistrati, preseduta mill-Maġistrat Marse-Ann Farrugia, ikkundannat għal 30 xahar ħabs lil Joseph Galea, ta’ 31 sena residenti s-Siġġiewi wara li nstab ħati li laqa’ għandu ħwejjeġ misruqa u li sar reċidiv. Huwa kien akkużat b’serje ta’ reati relatati ma’ żewġ serqiet separati li allegatament seħħew f’Lulju tal-2021 f’Birżebbuġa u f’Ħal Qormi.

Wara li semgħet ix-xhieda kollha u eżaminat il-provi, il-Qorti waslet għall-konklużjoni li l-Prosekuzzjoni naqset milli tipprova lil hinn minn kull dubju raġonevoli li Galea kien involut fis-serqa ta’ għodda minn container f’Dawret il-Qalb Imqaddsa, Birżebbuġa, liema serqa kienet stmata li tammonta għal madwar €35,000.

Il-Qorti qieset li l-identifikazzjoni tal-vettura allegatament użata fis-serqa, Toyota Corolla bajda, ma kinitx soda biżżejjed minħabba diskrepanzi evidenti bejn il-vettura li tidher fil-filmati tas-CCTV u dik attribwita lill-imputat.

Għaldaqstant, Galea ġie illiberat mill-akkużi relatati ma’ dan is-serq, mill-ħsara volontarja konsegwenzjali, kif ukoll mill-akkużi ta’ sewqan mingħajr liċenzja u mingħajr assigurazzjoni marbuta ma’ dan l-episodju. Bl-istess mod, il-Qorti sabet li ma kienx hemm provi suffiċjenti biex jinstab ħati tas-serqa minn vettura pparkjata fi Triq il-Wied, Ħal Qormi.

Il-Qorti qieset ukoll li ġie ppruvat lil hinn minn kull dubju li Galea kien fil-pussess ta’ oġġett misruq, jiġifieri jerry can bil-kitba “Compagnio Transport”, li nstabet fil-vettura li Galea kien qed juża. Fuq din il-bażi, il-Qorti sabitu ħati tar-reat ta’ riċettazzjoni, filwaqt li stmat li l-valur tal-oġġett kien wieħed baxx, anqas minn €23.29.

Il-Qorti sabet ukoll li Galea kien reċidiv, billi kellu sentenza definittiva preċedenti għal serq ikkwalifikat mogħtija fis-16 ta’ Lulju 2021. Barra minn hekk, ir-reat ta’ riċettazzjoni twettaq waqt li kien għaddej perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża ta’ sentejn ħabs għal erba’ snin.

B’riżultat ta’ dan, il-Qorti ordnat li din is-sentenza sospiża ssir operattiva. Galea nstab ukoll ħati li kiser żewġ digrieti separati tal-ħelsien mill-arrest mogħtija f’Marzu u April tal-2021, peress li wettaq reat volontarju waqt li kien marbut b’dawn il-kundizzjonijiet.

Meta qieset il-piena, il-Qorti tat importanza kbira lill-fedina penali estensiva ta’ Galea, li tinkludi 26 kundanna, il-biċċa l-kbira tagħhom għal serq. Il-Qorti rrimarkat li minkejja diversi opportunitajiet preċedenti, inklużi sentenzi sospiżi u ordnijiet ta’ probation, l-imputat baqa’ jirreċidiva.

Għaldaqstant, Galea ġie kkundannat għal sitt xhur priġunerija għall-akkużi li nstab ħati tagħhom, filwaqt li ġiet attivata s-sentenza sospiża ta’ sentejn. B’hekk, huwa ġie ordnat jiskonta perjodu globali ta’ 30 xahar ħabs, li minnu jitnaqqas kull żmien li diġà qatta’ taħt arrest preventiv marbut ma’ dawn il-proċeduri.

Il-Qorti ordnat ukoll il-konfiska favur il-Gvern ta’ Malta ta’ €1,000 minn depożitu relatat ma’ digriet ta’ ħelsien mill-arrest u €1,000 oħra minn garanzija personali marbuta ma’ digriet ieħor. Fl-aħħar nett, ġie ordnat li din is-sentenza tiġi kkomunikata lill-qrati l-oħra fejn hemm proċeduri kriminali pendenti kontra l-istess ħati.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Kurt Zahra u Janetta Grixti.