Lokali Qorti

Każ ta’ droga marbut ma’ ‘boat party’: Sentenza sospiża u multa ta’ €2,000

Il-Qorti tal-Maġistrati, preseduta mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, tat sentenza sospiża u multa ta’ €2,000 f’kawża dwar droga li tmur lura għal Ġunju tal-2014 u li fiha Geoffrey Debattista nstab ħati ta’ pussess aggravat ta’ MDMA u tal-aggravju tad-distanza, filwaqt li ġie liberat minn akkużi oħra relatati mal-kokaina u mar-reċidiva.

Il-każ seħħ nhar l-14 ta’ Ġunju 2014, għall-ħabta tal-11 ta’ filgħodu, meta membri mill-iskwadra ta’ kontra d-droga kienu qed josservaw persuni jitilgħu abbord dgħajsa kummerċjali bl-isem Hera 1, li kienet se titlaq mix-Xatt ta’ Tas-Sliema għal ‘boat party’.

Debattista, li dak iż-żmien kellu 41 sena u kien se jaħdem bħala DJ f’dan l-avveniment, twaqqaf mill-pulizija ftit qabel tela’ fuq id-dgħajsa. Minn tfittxija fuq il-persuna tiegħu, il-pulizija sabu ammont sostanzjali ta’ pilloli suspettati ecstasy, inkluż 71 pillola safra u 6.5 pilloli ta’ kulur blu, kif ukoll frammenti oħra, flimkien ma’ borża żgħira li kien fiha sustanza suspettata kokaina.

Aktar tard instabu wkoll pilloli oħra fil-forma ta’ “mushroom” u biċċiet miksura. Minn tfittxija fir-residenza tiegħu nstab qartas żgħir b’sustanza bajdanija, li aktar tard irriżulta li ma kienx kokaina. Mir-rapport xjentifiku tal-Professur Emanuel Sinagra ġie kkonfermat li l-pilloli eżebiti kien fihom is-sustanza 3,4-methylenedioxymethamphetamine (MDMA), droga kkontrollata taħt il-liġi Maltija.

Il-Qorti qieset li l-ammont totali ta’ 77.5 pillola kien wieħed għoli u mhux kompatibbli ma’ użu personali, speċjalment fid-dawl tal-fatt li l-imputat kien qed iġorrhom fuqu f’post pubbliku u f’kuntest ta’ avveniment magħruf li jattira numru kbir ta’ żgħażagħ.

Il-Qorti analizzat fid-dettall il-ġurisprudenza Maltija u internazzjonali dwar id-distinzjoni bejn pussess sempliċi u pussess aggravat, u waslet għall-konklużjoni li, minkejja li ma nstabux oġġetti oħra tipikament marbuta mal-ispaċċar, iċ-ċirkostanzi kollha meħuda flimkien kienu biżżejjed biex jiġi ppruvat lil hinn minn kull dubju dettat mir-raġuni li d-droga ma kinitx għall-użu esklussiv tal-imputat. Għaldaqstant, l-ewwel imputazzjoni ta’ pussess aggravat ta’ MDMA ġiet meqjusa ppruvata.

Fir-rigward tat-tieni imputazzjoni dwar il-pussess tal-kokaina, il-Qorti ddeċidiet li l-Prosekuzzjoni naqset milli tipprovaha, peress li s-sustanza bajdanija misjuba fir-residenza tal-imputat ma rriżultatx li kienet kokaina. Għalhekk, Debattista ġie liberat minn din l-akkuża.

Il-Qorti laqgħet ukoll it-tielet imputazzjoni relatata mal-aggravju tad-distanza, billi ddeċidiet li l-boat party fuq dgħajsa kummerċjali jikkwalifika bħala post fejn normalment jiltaqgħu ż-żgħażagħ, skont il-liġi. Min-naħa l-oħra, l-akkuża tar-reċidiva ma ġietx ippruvata, hekk kif il-Prosekuzzjoni naqset milli tesebixxi kopja tas-sentenza preċedenti allegata, u għalhekk l-imputat ġie liberat minn din l-imputazzjoni wkoll.

Meta waslet biex tikkunsidra l-piena, il-Qorti qieset is-serjetà tar-reat, l-ammont kbir ta’ droga misjub, iżda wkoll il-fatt li l-imputat kien dipendenti fuq id-droga fiż-żmien tal-każ u li minn dakinhar ‘l hawn għadda b’suċċess minn proċess ta’ rijabilitazzjoni. Fil-fatt, il-Qorti ħadet nota li l-Bord ta’ Rijabilitazzjoni ta’ Persuni li Nqabdu bid-Droga kien sodisfatt bir-riżultat tal-programm li segwa Debattista, inkluż programm ta’ rijabilitazzjoni offrut mill-Caritas.

Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkostanzi, u bl-applikazzjoni tal-liġi, il-Qorti kkundannat lil Geoffrey Debattista għal 18-il xahar priġunerija, sospiżi għal perjodu ta’ tliet snin, kif ukoll multa ta’ €2,000 li tista’ titħallas f’rati mensili ta’ €100. Huwa ġie mwissi bil-konsegwenzi legali jekk iwettaq reat ieħor li jġib miegħu priġunerija matul il-perjodu operattiv tas-sentenza sospiża.

Barra minn hekk, il-Qorti ordnat li l-imputat iħallas l-ispejjeż tal-esperti fl-ammont ta’ €1,002.06 u li d-droga eżebita fil-proċeduri tiġi distrutta. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Nikolai Sant.