Ambjent Lokali

L-abbozzi ta’ liġi u l-avvizi legali “għandhom jiġu rtirati”

Ritratti: Martin Agius

Fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli bħalissa, u tal-kampanja ta’ relazzjonijiet pubbliċi ferm qarrieqa li akkumpanjat il-liġijiet tal-ippjanar, il-kampanja Ġustizzja għal Artna ma tistax ma tikkonkludix li din ir-riforma tibqa’ theddida attiva għas-settur tal-ippjanar u għall-ambjent tal-pajjiż kollu.

Dan qalitu ‘Ġustizzja għal Artna’ fi stqarrija, fejn innotat bi tħassib serju d-dikjarazzjoni li għamel il-Prim Ministru f’intervista riċenti, illi indikat li l-Gvern għandu l-ħsieb li jkompli jmexxi bl-hekk imsejħa ‘riforma tal-ippjanar’.

F’intervista li ta nhar il-Ħadd lil LovinMalta, il-Prim Ministru Robert Abela wera l-intenzjoni tiegħu li jipproċedi b’amnestija għal illegalitajiet fiz-zoni ODZ; li nbnew bi ksur tal-policies eżistenti u li għalihom m’hemm ebda limitu fuq id-daqs jew il-post.

Il-Prim Ministru qal li din l-amnestija saħansitra tkopri żvilupp residenzjali illegali f’ODZ.

Huwa kkonferma wkoll li l-Abbozzi ta’ Liġi 143 u 144 tar-riforma tal-ippjanar għadhom fuq il-mejda – u bħalissa qed jiġu emendati mill-Gvern.

Kien spjegat li f’Lulju, il-kampanja tixtieq tenfasizza li mill-aħħar protesta tagħha fl-aħħar ta’ Ottubru ’l hawn, u minkejja wegħdiet ripetuti mill-Gvern, ma ngħatat l-ebda informazzjoni dwar id-direzzjoni li qed tieħu din ir-riforma.

Fil-fatt, ħafna kienu assumew li r-riforma kienet tneħħiet fis-skiet minħabba r-reżistenza li sabet min-naħa tal-NGOs, il-komunitajiet lokali u l-pubbliku ġenerali.

Intant, il-kampanja kontra dawn il-liġijiet distruttivi se tkompli, bl-appoġġ tal-maġġoranza vasta tal-pubbliku. U għalhekk, il-pubbliku huwa mistieden ikun lest biex għal darb’oħra jipparteċipa f’azzjoni kollettiva sabiex jiġi miġġieled dan it-theddid bla preċedent għall-ambjent u għall-kwalità tal-ħajja tagħna.