L-offensiva mill-qawwiet tas-sigurtà Iranjani fuq il-poplu ta’ Tehran u bliet oħrajn qed tissarraf fl-agħar massakri li qatt seħħew fl-Iran mindu ilu jeżisti bħala Stat Iżlamiku…
Sitwazzjoni fejn eluf kbar ta’ Iranjani ħarġu jipprotestaw dwar l-impatt tal-kroll finanzjarju ta’ pajjiżhom fuq l-għajxien tagħhom — u meta r-reġim tal-Ayatollah Ali Khamenei qed juża l-massimu tal-forza militari fuq il-folol.
Il-qawwiet tar-reġim, inklużi l-membri tal-Gwardja Repubblikana, issa qegħdin jiftħu n-nar fuq iċ-ċivili bl-aktar mod indiskriminattiv waqt li l-kelliema għal Khamenei qegħdin joħorġu bl-istqarrijiet qarrieqa li s-sitwazzjoni tinsab taħt kontroll meta dan żgur li mhux il-każ.
Fil-fatt, l-indikazzjonijiet huma li nqatlu u ndarbu l-eluf aktar milli l-mijiet fost l-azzjonijiet brutali tar-reġim fuq il-poplu. Dan meta ħafna mill-vittmi huma żgħażagħ u missirijiet li ma jistgħux imantnu lill-familja wara li sfaxxa l-valur tal-kambju lokali.
Ix-xeni ta’ terrur minn Tehran u bliet oħrajn fl-Iran qed ikunu deskritti mill-Iranjani li qegħdin iċemplu lil qrabathom residenti f’pajjiżi oħrajn…Dan meta r-reġim ta’ Khamenei qed jidher determinat li ma jieqafx bil-qtil sakemm jaċċerta l-eliminazzjoni ta’ kwalunkwe ħjiel ta’ oppożizzjoni fit-toroq tal-kapitali.
Filwaqt li l-blackout għall-Internet kien għadu effettiv f’ħafna bnadi tal-Iran, il-messaġġi dwar l-iżviluppi terribbli karatterizzati bl-imwiet u l-qerda kienu qed jiċċirkulaw xorta barra l-pajjiż.
Is-sorsi fl-Iran, fl-istess ħin, indikaw li l-maqtula fl-irvellijiet qabżu sew l-2,000 u li l-mejtin jinkludu l-membri tas-sigurtà tar-reġim.
Fl-istess ħin, l-awtoritajiet Iżlamiċi qegħdin iwettqu l-esekuzzjonijiet pubbliċi tad-dimostranti li ħarġu kontra l-Gvern …Esekuzzjonijiet li qed isegwu proċessi tal-qorti li qed ikunu konklużi fi żmien qasir rekord.
Sadanittant, numru ta’ aġenziji tal-aħbarijiet, fosthom il-BBC, qed jirċievu xi filmati li jixhdu t-terrur fost il-protesti li ilhom għaddejjin mill-aħħar jiem ta’ Diċembru. Dan fost il-qtil sistematiku u kontinwu tal-Iranjani f’Tehran u fi bliet ewlenin oħra tal-pajjiż.
Intant, il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, fl-aħħar sigħat, iddiskuta l-possibbiltà ta’ attakk militari ieħor fuq l-Iran, flimkien mal-membri ewlenin tal-Kabinett tiegħu u l-Ġenerali tal-Armata.
U waqt li esprima rabja għal dak li għaddej bħalissa fl-Iran, Donald Trump sostna li l-pajjiżi kollha involuti fil-kummerċ mal-Iran għandhom jiffaċċjaw tariffa ta’ 25 fil-mija relatata mal-attivitajiet kummerċjali tagħhom mal-Istati Uniti.
Sadanittant, l-ogħla uffiċjali Amerikani nkarigati mis-sigurtà qed janalizzaw l-għażliet militari potenzjali fil-konfront tal-Iran huma u jaġġornaw lil Donald Trump dwar l-iżviluppi.
//= $special ?>

