Lokali

“Ningħaqdu flimkien fil-ħidma favur Malta u Għawdex” – Il-Kap tal-PN Alex Borg

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

“L-impenn sħiħ tiegħi hu favur kultura politika li tirrispetta l-iskrutinju; kultura li tħares il-ġurnaliżmu indipendenti, u li tilqa’ l-mistoqsijiet tal-ġurnalisti. Bit-trasparenza niksbu l-fiduċja, kemm fost il-poplu tagħna u anke f’għajnejn il-pajjiżi l-oħrajn.”

Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg waqt riċeviment organizzat għall-ġurnalisti u l-imsieħba soċjali fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista fejn Alex Borg tkellem dwar il-ħidma tal-Partit Nazzjonalista għas-sena 2026.

Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo

Alex Borg stqarr li l-ġurnalisti huma s-sinsla tad-demokrazija filwaqt li saħaq fuq l-importanza tax-xogħol tal-ġurnalisti biex tkun magħrufa l-verità.

Hawn, hu esprima t-tħassib tiegħu għall-attakki, l-intimidazzjoni u l-assassinju tal-karattru li għadna naraw fil-konfront ta’ ġurnalisti f’pajjiżna.

Hu fakkar fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u qal li dan ma kienx biss attakk fuq ġurnalista imma wkoll attakk fuq id-dritt li l-poplu jkun jaf il-verità.

Filwaqt li qal li huwa ta’ dispjaċir li r-rakkomandazzjonijiet li ħarġu mill-inkjesta baqgħu fuq l-ixkaffa.

Alex Borg tkellem dwar fatturi oħra li huma ta’ tħassib fosthom l-għoli tal-ħajja, id-diffikultajiet ta’ min hu bin-negozju, it-tkabbir li mhux qed jinħass minn kulħadd, l-infiq bla rażan tal-finanzi pubbliċi u n-nuqqas ta’ viżjoni tal-Gvern fil-mudell ekonomiku ta’ pajjiżna.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li hemm bżonn bidla lejn aktar kwalità, imma din il-bidla trid tkun ibbażata fuq djalogu serju mal-imsieħba soċjali, mal-professjonisti u s-soċjetà ċivili u l-NGOs biex dawn ikunu parti mit-tfassil tal-politika ekonomika ta’ pajjiżna.

Alex Borg awgura li din tkun sena fejn bil-kontribut ta’ kulħadd terġa’ tinbena l-fiduċja bejn l-istituzzjonijiet u ċ-ċittadini, bejn min imexxi u l-imsieħba soċjali, bejn il-politiċi u l-pubbliku biex flimkien nibnu l-Malta u l-Għawdex li nixtiequ.

Intant, preżenti għal dan ir-riċeviment flimkien mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien hemm ukoll is-Segretarju Ġenerali Charles Bonello, il-Viċi Kap tal-PN Alex Perici Calascione u diversi deputati u kandidati tal-Partit Nazzjonalista.