Matul l-2025 kienu reġistrati total ta’ 4,368 twelid ta’ tarbija ġdida f’Malta u Għawdex, li minnhom
2,243 kienu subien u 2,125 kienu bniet.
Fir-Reġistru Pubbliku ta’ Malta kienu rreġistrati total ta’ 4,028 tarbija, li minnhom 2,059 kienu subien
u 1,969 kienu bniet. Dan ifisser tnaqqis ta’ 79 tarbija, meta mqabbla man-numru ta’ trabi rreġistrati
fir-Reġistru Pubbliku ta’ Malta matul l-2024.
Fir-Reġistru Pubbliku ta’ Għawdex kienu rreġistrati 340 tarbija ġdida, li minnhom 184 kienu subien u
156 kienu bniet.
L-aktar ismijiet popolari fil-gżejjer Maltin għas-subien kienu Noah, Luca u Matteo. Għall-bniet f’Malta
kienu Emma, Emilia u Leah, filwaqt li f’Għawdex kienu Ellie, Valentina u Mia. Għar-raba’ sena
konsekuttiva Ġanni u Luċija baqgħu l-aktar ismijiet popolari bl-ittri diatriċi Maltin.
F’Malta u f’Għawdex matul is-sena li għaddiet kienu rreġistrati wkoll total ta’ 4,176 imwiet.
Fir-Reġistru Pubbliku ta’ Malta kienu rreġistrati total ta’ 3,838 mewt, li minnhom 1,979 kienu rġiel u
1,859 kienu nisa. Fir-Reġistru Pubbliku ta’ Għawdex kienu rreġistrati 338 mewt, li minnhom 168 kienu
rġiel u 170 kienu nisa.
Din l-istatistika tirriafferma s-servizz essenzjali li jingħata mill-uffiċċju li l-Aġenzija Identità għandha fl-Isptar Mater Dei, speċjalment fejn jidħlu n-notifikazzjonijiet tat-twelid. Fil-fatt f’dan l-uffiċċju ġew
innotifikati total ta’ 3,684 tat-twelid, li jfisser 91% tat-twelid f’Malta ġew innotifikati hemm. Din hija
żieda ta’ 2% fuq is-sena ta’ qabel.
B’kollox f’Malta u Għawdex kienu rreġistrati total ta’ 2,240 żwieġ. Ir-Reġistru Pubbliku ta’ Malta jinnota
li kien hemm żieda meta mqabbel man-numru ta’ żwiġijiet irreġistrati miegħu matul l-2024. Fil-fatt fl-2024 kien hemm total ta’ 2,021 żwieġ irreġistrat mar-Reġistru Pubbliku ta’ Malta, u fl-2025 kienu
rreġistrati total ta’ 2,069, żieda ta’ 48 żwieġ. F’Għawdex kienu rreġistrati total ta’ 171 żwieġ.
Matul l-istess perjodu kienet reġistrata Unjoni Ċivili waħda biss f’Malta, filwaqt li t-total ta’
koabitazzjonijiet irreġistrati kien ta’ 65, 60 minnhom f’Malta u ħamsa f’Għawdex.
F’Malta kienet innotata żieda fit-talba għal Ċertifikati ta’ Twelid, Mewt u Żwieġ. Fil-fatt matul l-2025
ir-Reġistru Pubbliku ta’ Malta ħareġ total ta’ 76,357 ċertifikat ta’ dan it-tip, li tfisser żieda ta’ 2,593
ċertifikat. Ma’ dawn inħarġu wkoll 1,543 ċertifikati multi-lingwali. Dawn iċ-ċertifikati jinħarġu meta
persuna tkun se tuża ċ-ċertifikati f’xi pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea.
Matul l-istess perjodu nħarġu wkoll total ta’ 873 Ċertifikat ta’ Stat Liberu żieda ta’ 62 fuq is-sena ta’
qabel. Kienet reġistrata żieda minima wkoll fuq is-servizz online taċ-Ċertifikati li minn 42,425 fl-2024,
telgħu għal 44,460.
F’Għawdex inħarġu total ta’ 6,157 Ċertifikati ta’ Twelid, Mewt u Żwieġ. Ma’ dawn inħarġu wkoll 57
ċertifikati multi-lingwali u 38 Ċertifikat ta’ Stat Liberu.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Identità Edric Zahra fakkar li l-istatistika ppubblikata din is-sena tinkludi
wkoll l-istatistika maħruġa mir-Reġistru Pubbliku ta’ Għawdex biex b’hekk l-istampa demografika ta’
Malta tkun waħda aktar ċara u kompluta.
Huwa nnota wkoll ir-rwol essenzjali li r-Reġistru Pubbliku għandu fil-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna. Fil-fatt mit-twelid ta’ tarbija sa tmiem il-ħajja ta’ persuna, ir-Reġistru Pubbliku juffiċjalizza kwalunkwe stat ċivili tal-individwu. Dan huwa rifless ukoll fiċ-Ċertifikati li l-istess Reġistru Pubbliku joħroġ fil-konfront taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.


