Graziella Attard Previ
Shadow Minister għall-Ugwaljanza,
il-Libertajiet Ċivili u x-Xandir Pubbliku
Hekk kif wieħed jibda jaqra dan il-kuntratt, u jara r-responsabbilitiajiet assenjati, ma titwemminx iżda vera, hemm miktub iswed fuq l-abjad li l-Eks Deputat Mexxej Laburista Chris Cardona – investigat ukoll u taħt il-lent – se jkun qed jitħallas proprju biex, ukoll, jattendi avvenimenti u meetings politiċi!
Id-deċiżjoni li jinħatar Chris Cardona bħala Konsulent tal-Gvern dwar iż-żgħażagħ minn dejjem ħalliet tħassib serju u tkompli ttellef il-fiduċja tal-poplu fl-istituzzjonijiet tagħna.
F’kariga li għandha turi integrità, tmexxija etika u impenn lejn il-trasparenza, il-Gvern għażel persuna li għandha rekord pubbliku imniġġes b’kontroversji, allegazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ kondotta xierqa u mistoqsijiet mhux imwieġba dwar l-aġir tiegħu meta kien ministru.
Kontroversjali u investigat
Chris Cardona kien tkeċċa minn Robert Abela stess fl-2020, iżda donnu Robert Abela issa jrid jiġbed lura u jippremja anke persuni kontroversjali. Biex jagħmel dan, Robert Abela nesa għalkollox il-wegħda tal-meritokrazija.
Dan għaliex Chris Cardona m’għandu l-ebda kwalifika jew esperjenza relevanti fejn jidħlu ż-żgħażagħ. Dan mhux biżżejjed, għax il-kuntratt ta’ Chris Cardona – li ovvjament hu mħallas mill-fondi pubbliċi filwaqt li ma jirrifletti l-ebda forma ta’ meritokrazija – hu biss mossa oħra biex tal-qalba jkomplu dejjem iktar jiffangaw, u jikxef kif Gvern Laburista lest li juża flus il-poplu għal responsabbilitijiet kontroversjali.
Kuntratt li jikxef li għandna persuna tingħata l-eluf għal ftit sigħat xogħol fil-ġimgħa li wieħed għad irid jara kemm verament jissarrfu f’xi ħaġa utli u li tassew jgħinu liż-żgħażagħ Maltin.
U nerġa’ ntenni, għax bilfors li wieħed jistaqsi, kif pereżempju, skont il-kuntratt, Chris Cardona se jitħallas talli jattendi attivitajiet politiċi u kif dan se jgħin liż-żgħażagħ Maltin. Ma titwemminx! Se jitħallas talli jattendi attivitajiet politiċi!
Lest jagħti bil-mannara
Biex niftakru sew, Chris Cardona huwa dak li l-Ministru li ddikjara li ‘”Jekk se ttuna bis-sejf, se ntukom bil-mannara, u jien mhux se niddejjaq inkun l-ewwel wieħed”. Din id-dikjarazzjoni saret fl-2016 fost ċapċip ewforiku mill-partitarji Laburisti preżenti fejn ukoll kien ingħata ‘standing ovation’ minn dawk preżenti.
Bħala Eks Ministru għall-Ekonomija, l-Investiment u l-Kummerċ, u bħala Deputat Kap tal-Partit Laburista, kien figura ċentrali fil-politika Maltija għal diversi snin.
Madankollu, il-ħidma tiegħu bħala Ministru kienet kontinwament imċajpra b’allegazzjonijiet u investigazzjonijiet, mhux l-inqas mill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia li l-blog tagħha kien effettiv fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni f’Malta, u ddokumenta b’mod kostanti abbużi tal-poter, kunflitti ta’ interess u wkoll nuqqas ta’ etika minn diversi esponenti tal-Gvern Laburista.
Fl-2017, Chris Cardona kien implikat minnha li flimkien mal-assistent tiegħu kienu marru f’burdell fil-Ġermanja waqt li suppost kien fuq ħidma uffiċjali. Nafu lkoll kif irreaġixxa Chris Cardona għal dawn l-allegazzjonijiet u x’segwa wara.
Iż-żgħażagħ Maltin jistħoqqilhom aħjar. Jistħoqqilhom nies ta’ fiduċja li juru tmexxija etika, mhux individwi li l-karriera politika tagħhom hija marbuta ma’ dubji serji u kontroversji. L-impjieg ta’ Chris Cardona jkompli jibgħat messaġġ ħażin dwar il-kontabilità, it-trasparenza u l-istandards li nistennew minn uffiċjali pubbliċi.
Ħtieġa ta’ etika fit-tmexxija
Malta għandha bżonn tmexxija etika. Hemm bżonn immedjat li l-karigi pubbliċi kollha jgħaddu minn skrutinju serju sabiex ħadd ma jingħata kariga għolja sempliċiment biex jiġi ppremjat, biex jagħlaq ħalqu jew biex ma jħammarx wiċċ il-Gvern tal-ġurnata.
Aħna l-politiċi suppost li qegħdin biex inservu lill-poplu u lir-Repubblika ta’ Malta u mhux biex nisservaw aħna u dawk tal-qalba.
Jiena, f’isem il-Partit Nazzjonalista, inserraħ moħħ il-poplu u nwiegħed li se nkunu qegħdin naħdmu favur it-trasparenza u l-meritokrazija ta’ veru, fejn tassew kulħadd jingħata dak li ħaqqu.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 12 ta’ Jannar, 2026.
//= $special ?>

