Opinjoni

Opinjoni: Kulħadd għandu jkun jaf

Jean Parisot de Valette ħaqqu ferm iktar attenzjoni fil-proċess storiku u kulturali tagħna. Ma twelidx hawn, iżda proprjament iben Ewropew u Mediterranju f’kull sens.

Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister
għar-Riforma Kostituzzjonali,
l-Identità Nazzjonali
u d-Djalogu Interkulturali

F’dawn il-gżejjer hemm memorja storika komuni li lkoll, b’xi mod, nafu biha. Dik li tfakkarna kif pajjiżna għadda u għeleb dak li nsejħu l-Assedju l-Kbir. Fl-iskejjel primarji, b’attenzjoni, diversi kienu jgħaddulna dan biex inkunu nafuh, u fl-istess ħin, ma ninsewx. Ftit però għadhom, sal-lum, jinteressahom minn dan l-avveniment kbir u forsi ftit aktar dawk li jinsabu fl-abbiltà li jew jaqraw id-dettalji, inkella li jafu bihom.
Ħafna minna naħseb li nafu bil-punti importanti u bil-kuraġġ u d-determinazzjoni tal-Maltin u l-gwida tal-ftit Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann. Dawk li kienu mmexxija minn wieħed mill-aqwa Gran Mastri li kellhom u li kien jaf sewwa x’inhu jagħmel. Jean Parisot de Valette (1495-1568) kien il-bniedem li fl-età ta’ wieħed u sebgħin sena mexxa l-ġlieda għad-difiża tagħna.

Dak li seħħ
Hemm riċerka varja fuq dak li seħħ u kienu diversi dawk li ħallewlna r-rakkonti tagħhom. Xi drabi jsir u jingħata attenzjoni dwar il-ħruxija tal-aġir sħiħ. Xi drabi wkoll fuq id-determinazzjoni u l-preparazzjoni. F’ħafna naraw li l-Ordni li kienet imkeċċija minn Rodi, fejn xtaqet tmur lura, sabet ruħha hawn.
Ħafna jgħidulna kemm ma kinetx l-għażla tagħhom, anke jekk aċċettaw li jkunu hawn. Aċċettaw li jiddefendu u fehmu li sabu ruħhom f’pożizzjoni strateġika li ftit qabel ma kinux fil-fatt fehmu jew ġew wiċċ imb wiċċ magħha. Jibqa’ żgur il-fatt li minn hemm ’il quddiem, kellhom l-għarfien li dak kien mument determinanti fl-eżistenza tagħ-hom. Tagħhom u tagħna lkoll magħhom. Wieħed li biddel il-futur ta’ pajjiżna.

Bidliet
Mhux biss storikament, militarment u strateġikament, imma wkoll kulturalment u kien il-bażi ta’ indipendenza. Mal-wasla tagħhom daħal ċar li dawn il-gżejjer setgħu jimxu ‘waħedhom’. B’liġijiet tagħhom proprji u wirt kulturali u identità daqstant ieħor.
Tifhem ftit iktar dan meta tisma’ l-mużika Barokka li l-Valletta Baroque Festival, b’tant abbiltà kull sena, din inkluża, jtellgħu. Mhux biss mużika mill-isbaħ, xi drabi qatt mismugħa, imma aktar minn hekk fi knejjes u bini li f’dan huwa dak li żmienhom ħallielna. Ordni Reliġjuża unika, li titlob dejjem aktar studju u kunsiderazzjoni.
F’dan jibqa’ dejjem iktar importanti li wieħed japprezza sew kemm l-Assedju l-Kbir huwa ġebla tax-xewka tagħna.

Tajjeb li nkunu nafu
L-Assedju l-Kbir jibqa’ dawl għalina ta’ dak li aħna u dak li nistgħu nkunu. Punt li jimmerita attenzjoni mhux biss f’dak li seħħ, imma fl-abbiltà li jibqa’ jiġbed sal-lum riċerka, akkademja u kitba varja.
F’dan iktar fuq żewġ livelli: l-ewwel f’dak li seħħ verament; u t-tieni fil-lezzjonijiet li wieħed jislet minnu. Dak li missejt miegħu waqt li qrajt reċensjoni tal-istoriku Ferdinand Mount (1939) dwar il-ktieb The Great Siege of Malta (2025) tal-istoriku Marcus Bull (1962). Fih numru ta’ dettalji u naħseb li huwa ġabra mill-iktar ‘aġġornata’ u miktuba f’termini tal-preżent. Tajjeb li jinqara u fl-istess ħin wieħed jgħarbel mill-ġdid.
Il-kuraġġ, id-determinazzjoni u l-eroiżmu li akkumpanja lil dawk il-persuni. Ma konniex inkunu dak li aħna bħala Ewropej kieku l-gżejjer tagħna nħakmu.

Preparazzjoni
Ma hemmx dubju li l-Gran Mastru mhux biss kien il-mexxej, imma wkoll kien dak li kellu moħħ ċar ħafna u kien jaf fejn irid jasal. Iktar fl-esperjenza li kien ġabar bħala Kavallier u ċertament iktar minn dak li kienu għaddew minnu meta kienu f’Rodi.
Dak li ġarrbu hemm u t-telfiet tagħhom messewh. F’dak li l-awtur jikkwota l-ġudizzju tal-Kavallier Francisco Balbi di Correggio: “… if it had not been for the foresight and preparations made by the Grand Master, not one of us would have survived.” (Li kieku ma kienx għall-viżjoni, il-preparazzjoni u l-ħsieb fit-tul tal-Gran Mastru, ħadd minna ma kien jibqa’ ħaj.) Argument li jmiss direttament f’dak li jikkonkludi Marcus Bull ma’ dak li jara Ferdinand Mount.
Wieħed jattribwixxi s-suċċess għax-xorti u l-ieħor għal ħidmet dan il-bniedem.

Jixraqlu
F’dan, Ferdinand Mount jikteb hekk: “The knights’ determination to defend a barren Island they had never wanted to occupy may seem irrational, yet their actions were not only suicidally brave but perfectly sensible: a not unknown combination in human carry-on. Crazy, yes, but lucky? I don’t think so.” (Id-determinazzjoni tal-Kavallieri li jiddefendu gżira niexfa li qatt ma riedu jokkupaw tista’ tidher irrazzjonali, imma azzjonithom ma kenitx biss kuraġġuża ħafna imma perfettament loġika: kwalità u ġabra ta’ aġir uman li nafu bih. Ġenn, iva, imma xorti? Le, ma naħsibx.)
Il-Kavallieri ġġieldu b’għaqal u b’attenzjoni. Żammew armata iktar minnhom u rebħulha. Imma kienu jafu x’inhuma jagħmlu u kienu determinati proprju għax kellhom mexxej li kien mimli doni u ispirat fis-sewwa.

Proprju f’dan
Għalhekk, f’dan kollu nibqa’ naħseb li dan il-bniedem, Jean Parisot de Valette, ħaqqu ferm iktar attenzjoni fil-proċess storiku u kulturali tagħna. Ma twelidx hawn, iżda proprjament iben Ewropew u Mediterranju f’kull sens sħiħ. Bniedem li serva, ma beżax u qiegħed pedament nazzjonali li għadna nieħdu benefiċċju minnu. Fil-gżejjer nagħtuh rispett u hemm toroq imsemmija għalih. Almenu l-Belt hemm statwa sabiħa u imponenti tiegħu.
Waħda li ftit huma dawk it-turisti li ma jiqfux jarawha u jeħdulha ritratt. Proprju fuq dan li s-sena l-oħra nsistejt, mertu tal-interpellanzi parlamentari mal-Ministru tal-Kultura, sabiex tiġi restawrata u wara numru ta’ xhur, sal-aħħar tas-sena sar dan. Issa iktar li tajna bixra ġdida u legali li ddikjarajna l-Belt Valletta bħala l-Kapitali tal-pajjiż fil-Kostituzzjoni, jixraqlu aktar.

Voltaire
Lill-magħruf filosfu Francois-Marie Arouet, magħruf aħjar bħala Voltaire (1694-1778), Ferdinand Mount jiċċitah li mitt sena wara jiddikjara: “Rien n’est plus connu que la siege de Malte.” (Ma hemm xejn aktar magħruf mill-Assedju ta’ Malta).
Waqt li f’dan nirrikonoxxi lid-diversi akkademiċi Maltin li kitbu u għadhom jistudjaw dwar dan, għandna wkoll nirringrazzjaw lil storiċi bħal Mount u Bull, li jiktbu huma wkoll dwar dak li seħħ. F’dan iktar proprju għandna nagħmlu ħilitna sabiex kull student fil-klassijiet primarji u sekondarji, anzi kull ċittadin ta’ pajjiżna, għandu jkun jaf u jingħata kotba li jfakkruna f’dan kollu.
F’dan nittama li nkunu nistgħu lkoll niddikjaraw li kulħadd għandu jkun jaf.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tlieta 13 ta’  Jannar, 2026.