Opinjoni

Opinjoni: Nuqqas ta’ investiment mill-Gvern PL f’San Ġiljan

San ĠIljan u Paceville: Il-Partit Nazzjonalista fil-gvern juri impenn sħiħ lejn din il-lokalità u jinvesti bis-saħħa kollha għall-ġid mhux biss tan-negozjanti li jinvestu flushom imma anki għar-residenti li jixirqilhom ferm aħjar

Albert Buttigieg
Shadow Minister għan-Neurodivergenza
u l-Ħarsien tat-Tfal

Kemm San Ġiljan u kemm Paceville huma marbuta sew mat-turiżmu. Dan għaliex San Ġiljan u Paceville huma meqjusa mhux biss bħala l-mekka tad-divertiment għal diversi żgħażagħ lokali u turisti li jiġu fostna, imma wkoll għaliex din hi l-lokalità fejn hawn l-aktar ammont ta’ lukandi tal-ogħla kwalità.
Nistgħu ngħidu li San Ġiljan u Paceville huma ċ-ċentru kosmopolitan ta’ pajjiżna fejn diversi familji jaqilgħu l-għajxien tagħhom. Huwa post ukoll fejn diversi negozjanti investaw bil-kbir.
Sfortutanament, il-Gvern Laburista ittraskura din il-lokalità u mhux qiegħed jagħtiha l-importanza meħtieġa. U għaliex mhux qed jagħtiha importanza, allura l-Gvern mhux qiegħed jinvesti kif għandu suppost jagħmel.
Jidher ċar li l-Gvern ma għandu l-ebda pjan kif imexxi din il-lokalità.
Insemmi żewġ punti li qegħdin jitfgħu lura din il-lokalità u l-Gvern mhu qiegħed jagħmel xejn dwar dan.

L-iżvilupp żejjed
Bil-Malti ngħidu: ‘iż-żejjed hu oħt in-nieqes’. Dan hu vera f’San Ġiljan u f’Paceville. Minn zona kwieta issa spiċċa, fi kliem xi ħadd, ‘Manhantten ta’ Malta’.
Filwaqt li ma għandi l-ebda problema li din il-lokalità tkun bħal Manhantten. Imma jidher ċar li din iz-zona ma tiflaħx aktar żvilupp. Jidher ċar li l-iżvilupp li sar, li qiegħed isir u se jsir, se jbiddel din iz-zona kompletament.
Ftit taż-żmien ilu, il-Gvern kien ħareġ masterplan li kien bħal donnu wishinglist għal ċertu persuni. Dak iż-żmien kien hemm kritika kbira u l-Gvern kien waqqaf dan il-masterplan. Imma xorta ħalla kull proġett li kien hemm fih! Fil-fatt, kull toqba ta’ art li hemm ġiet jew inkella qed tiġi mibnija mingħajr pjan ħolistiku.
U din hija l-ikbar problema. La ma hemmx pjan ħolitisku! Anzi mhux biss ma hemmx pjan ħolistiku imma l-Gvern ibiddel u jemenda l-pjanti, kif qed jagħmel fil-każ tal-applikazzjoni ta’ Villa Rosa!
It-talba tagħna kienet u għandha li jkun hemm tassew masterplan fejn l-imsieħba involuti kollha, inkluż ir-residenti, ikunu involuti u jkun hemm pjan fit-tul.

Nuqqas ta’ investiment
Filwaqt li l-investituri qegħdin jinvestu flushom f’din il-lokalità, il-Gvern PL mhu qiegħed jagħmel l-ebda investiment fl-infrastruttura pubblika. B’infrastruttura pubblika nifhem toroq, bankini, spazji mifutħa, sistema ta’ drenaġġ eċc.
Il-Gvern ikun diżonest jekk iwaħħal fil-Kunsill Lokali meta jaf li l-Gvern neħħielhom kull awtorità. Fil-fatt lanqas tabella tat-traffiku ma jistgħu jwaħħlu mingħajr permess mill-Gvern! Imbagħad ikollu l-wiċċ jgħid li l-Kunsilli huma l-gvern lokali – myfoot, jgħidu l-Ingliżi!
Huwa fatt li l-istat li huma fih it-toroq u l-bankini hu tal-biki. Mhux biss, imma issa anke l-Bajja ta’ San Ġorġ, li kellha l-blue badge, spiċċat għal diversi drabi magħluqa minħabba l-ħruġ tad-drenaġġ fil-bahar! Dan qed iwassal biex din il-bajja titlef il-kwalità tagħha. U dan mhux qed ngħidu jien imma kitbu saħansittra l-Profs Victor Axiak u saħansitra Eks Ministru, Evarist Bartolo.

Il-Bajja ta’ San Ġorġ abbandunata
Mhux biss il-Gvern abbanduna l-Bajja ta’ San Ġorġ imma proġetti li kienu tħabbru b’tant pompa, fosthom ir-ri-ġenerazzjoni ta’ ġnien ta’ Spinola. Qalulna li l-Gvern se jonfoq €5.5 iżda sal-lum kollox għadu kif kien.
Barra minn hekk, il-proġett ta’ Xatt is-Sajjeda mhux biss ma tkomplix imma f’zona li suppost hi għas-sajjieda issa spiċċaw ipoġġu l-imwejjed u s-siġġijiet flok l-inġenji tal-istess sajjieda.
Insaqsi mistosija parlamentari numru 4120: kemm xogħlijiet u investiment saru f’San Pawl il-Baħar, fil-Mellieħa u kemm xogħlijiet u investiment sar f’San Ġiljan
Risposta: Fil-Mellieħa kien hemm investiment ta’ €47,900 filwaqt li f’San Pawl il-Baħar/Xemxija kien hemm €578,000 .
Minn naħa l-oħra, f’San Ġiljan kien hemm biss €22,500!
Filwaqt li ma għandi l-ebda problema li l-lokalitajiet bħall-Mellieħa u San Pawl il-Baħar ikollhom dan l-ammont ta’ investiment, imma ċ-ċifri jitkellmu weħedhom!
In-nuqqas ta’ investiment u t-telqa jidhru wkoll fl-ammonti ta’ toroq li jinsabu fi stat ħażin. Biżżejjed insemmi Triq Borg Oliver fil-Balluta u Triq il-Kbira. Filwaqt li nifhem li kienu saru xi xogħlijiet fihom, imma dawn ilhom minn Mejju 2024 fi stat ħażin!
Ma nistax lanqas inħalli barra l-istat tal-indafa u l-iskart ma’ kullimkien għaliex il-Ġvern jibża’ jinforza l-liġijiet ma’ numru ta’ ristoranti li suppost għandhom il-kuntrattur privat u mhux lest jirregola x-short lets li għalkemm huma tajbin imma ma jistax ikun li jitħallew jagħmlu ħerba mil-lokalità u mir-residenti.
Hemm ukoll in-nuqqas ta’ sigurtà u nfakkar lill-Gvern fil-wegħda tiegħu li jkun hemm skwadra tal-pulizija apposta għal din il-lokalità.

Il-PN jinvesti f’din il-lokalità
Il-PN, għaliex jemmen mhux biss li din il-lokalità hi waħda mill-muturi tal-ekonomija imma jemmen lir-residenti jixtieqilhom ikollhom kwalità ta’ ħajja, se jkun qiegħed jieħu ħsieb din il-lokalità.
Għaldaqstant…
■ Għal diversi drabi, il-PN tkellem fuq il-ħtieġa li jkollna turisti ta’ kwalità u mhux ta’ kwantità.
■ Għal diversi drabi l-PN tkellem (u anke jien meta kont Sindku) biex il-flus mill-eco tax, li issa telgħet minn 50ċ li kull turist jagħti għal kull lejl għal €1.50 tkun investita fil-lokalità u mhux tmur f’fond u ħadd ma jaf fejn qed imorru dawn il-flus!
■ Din hi win win situation fejn kulħadd igawdi minn dan l-investiment. Tista’ timmaġinaw turist li joqgħod ġewwa 5 star hotel u jispiċċa jimxi fuq bankini one star li huma kollha mkissra u mimlija boroż tal-iskart maħruġ barra mill-iskeda.
Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern juri impenn sħiħ lejn din il-lokalità u jinvesti bis-saħħa kollha għall-ġid mhux biss tan-negozjanti li jinvestu flushom hawn imma anki għar-residenti li jixtraqilhom ferm aħjar.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 12 ta’ Jannar, 2026.