Lokali Qorti

Sentenza ta’ 18-il xahar ħabs għall-koppja u konfiska sħiħa ta’ assi fuq ħasil ta’ flus marbut ma’ traffikar tad-droga

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Leonard Caruana sabet lil Terence Cini ta’ 40 sena u lil Amanda Farrugia ta’ 39 sena, it-tnejn residenti Ħal Qormi, ħatja ta’ ħasil ta’ flus u kkundannathom 18-il xahar ħabs kull wieħed wara li kkonkludiet li għal snin twal u b’kollaborazzjoni bejniethom użaw strutturi kummerċjali u kontijiet bankarji biex jaħbu u jintegraw flus li kienu ġejjin minn attività kriminali, fosthom traffikar tad-droga u tisrif illeċitu ta’ ċekkijiet.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti spjegat kif mill-provi rriżulta li ż-żewġ akkużati kienu jmexxu attivitajiet kummerċjali mingħajr il-permessi neċessarji u mingħajr ma kienu reġistrati għall-finijiet tal-VAT, bi ksur tal-liġijiet fiskali u kummerċjali. Ix-xhieda tal-Kummissarju għat-Taxxi kkonfermat li la Farrugia u lanqas Cini ma kienu reġistrati taħt l-Att dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud, minkejja li l-kontijiet bankarji tagħhom urew moviment ta’ miljuni ta’ ewro.

Il-Qorti waslet għall-konklużjoni li Terence Cini kien jirċievi pagamenti, inklużi ammonti sostanzjali fi flus kontanti, mill-attività illegali tiegħu ta’ traffikar tad-droga kif ukoll mit-tisrif ta’ ċekkijiet. Dawn il-fondi kienu mbagħad jiġu depożitati fil-kont bankarju ta’ Amanda Farrugia, li min-naħa tagħha kienet tiddepożita ċ-ċekkijiet u tħallas spejjeż u fatturi kemm tal-attività kummerċjali tagħha kif ukoll ta’ Cini. Dan kollu kien isir f’kuntest ta’ nuqqas ta’ permessi u nuqqas ta’ konformità fiskali.

Is-sentenza tagħti importanza partikolari għad-diskrepanza bejn l-introjtu ddikjarat u l-istil ta’ ħajja tal-akkużati. Farrugia kienet iddikjarat introjtu minimu, iżda fl-istess perjodu akkwistat żewġ proprjetajiet mingħajr self u żewġ vetturi.

Cini, min-naħa tiegħu, akkwista diversi vetturi, fosthom Peugeot Partner fl-2019, apparti oħrajn li kien xtara fis-snin ta’ qabel. Il-Qorti fakkret fil-ġurisprudenza li tistabbilixxi li, f’każijiet ta’ money laundering, il-prosekuzzjoni trid biss turi fuq livell prima facie li l-flus mhumiex konsistenti mal-istil ta’ ħajja tal-akkużat u li ma teżistix spjegazzjoni loġika u plawsibbli dwar l-oriġini tagħhom.

Skont il-Qorti, l-akkużati naqsu milli jagħtu kwalunkwe ġustifikazzjoni kredibbli għad-depożiti konsiderevoli li saru u għall-mod kif ġew iffinanzjati l-akkwisti tagħhom. Mill-analiżi tal-provi rriżulta li fil-kontijiet ta’ Farrugia kien hemm taħlita ta’ flejjes li kienu dovuti bħala taxxa mhux iddikjarata, rikavat illeċitu minn traffikar tad-droga u tisrif ta’ ċekkijiet, kif ukoll dħul minn attività kummerċjali.

Din it-taħlita, magħrufa bħala co-mingling of funds, intużat biex tingħata dehra leċita lil flus ta’ oriġini illegali u biex dawn ikunu disponibbli għall-użu, proċess li l-Qorti ddeskriviet bħala self-laundering. Il-Qorti ċaħdet argumenti tad-difiża dwar l-inammissibbiltà taċ-ċekkijiet bħala prova, u kkonfermat li dawn ġew debitament eżebiti u kkonfermati mix-xhieda rilevanti, inkluż mir-rappreżentanti tal-Bank of Valletta.

Madankollu, il-Qorti aċċettat parzjalment argument ieħor tad-difiża u skartat ritratti li allegatament kienu juru depożiti ta’ flus f’ATM, minħabba nuqqas fil-katina tal-provi. Fir-rigward ta’ akkużi separati kontra Terence Cini, il-Qorti ma sabitux ħati ta’ pussess illegali ta’ arma jew munizzjoni, peress li l-prosekuzzjoni naqset milli tippreżenta provi biżżejjed dwar it-tip ta’ munizzjoni li nstabet.

Bl-istess mod, ġie illiberat ukoll minn akkuża ta’ ksur ta’ kundizzjonijiet ta’ libertà proviżorja, minħabba nuqqas ta’ ċertezza jekk dawn kinux għadhom fis-seħħ fiż-żmien relevanti. Meta waslet biex tiddetermina l-piena, il-Qorti qieset is-serjetà u t-tul taż-żmien li matulu twettqu r-reati, il-volum konsiderevoli ta’ flus involuti u l-fatt li l-akkużati aġixxew b’riżoluzzjoni waħda u b’kollaborazzjoni bejniethom.

Il-Qorti rrilevat ukoll li permezz ta’ dawn l-attivitajiet, l-akkużati użaw fondi ġejjin mit-traffikar tad-droga għal skopijiet personali u fl-istess ħin evadew l-obbligi erarji tagħhom, u b’hekk urew nuqqas ta’ rispett lejn il-liġijiet tal-pajjiż.

Għaldaqstant, il-Qorti mhux biss ikkundannat lil Amanda Farrugia u lil Terence Cini għal 18-il xahar priġunerija effettiva kull wieħed, iżda wkoll multa ta’ €30,000 kull wieħed. Ġiet ordnata wkoll il-konfiska favur il-Gvern tal-proprjetà mobbli u immobbli kollha tagħhom.

Barra minn hekk, il-Qorti ordnat il-ħlas ta’ €3,850.40 fi spejjeż relatati mal-ħatra ta’ esperti u ddeċidiet li tinforma lill-Kummissarju għat-Taxxi, lid-Direttur tal-Liċenzji tal-Kummerċ u lill-Kummissarju tal-Pulizija sabiex jittieħdu passi ta’ investigazzjoni ulterjuri dwar l-operat kummerċjali, fiskali u allegati reati oħra marbuta mal-każ.

Il-Qorti ssib provi qawwija ta’ ħasil ta’ flus marbut ma’ traffikar tad-droga fil-każ Farrugia u Cini

Fl-istqarrija li tat lill-pulizija fis-6 ta’ Awwissu, l-akkużata Amanda Farrugia eżerċitat id-dritt li ma tweġibx għal numru ta’ mistoqsijiet, iżda meta ġiet mistoqsija dwar is-somma ta’ €40,000 li kellha f’Savings Account mal-Bank of Valletta, liema kont instab b’bilanċ ta’ €9 biss, qalet li dawn il-flus kienu ntużaw biex jitħallsu s-suppliers.

Madanakollu, hija ma setgħetx tispjega fuq liema medda ta’ żmien saru dawn il-pagamenti jew min kienu l-fornituri kkonċernati. Farrugia kkonfermat ukoll li madwar Novembru tal-2018 kienet xtrat garaxx ġewwa Wied iċ-Ċawsli, f’Ħal Qormi, iżda rrifjutat li tispjega kif ġie ffinanzjat dan l-akkwist.

Il-Qorti fakkret li Amanda Farrugia u Terence Cini jinsabu mixlija b’ħasil ta’ flus bi ksur tal-Artikolu 3 tal-Kapitolu 373 tal-Liġijiet ta’ Malta. Is-sentenza tispjega li dan ir-reat jinvolvi l-manipulazzjoni ta’ flus jew assi li ġejjin minn sors illegali sabiex jingħataw dehra ta’ provenjenza leċita.

Ġiet ukoll imfakkra l-ġurisprudenza li tispjega l-proċess ta’ placement, layering u integration, kif ukoll id-definizzjoni legali dettaljata ta’ money laundering prevista fl-Artikolu 2 tal-istess liġi. Mill-istqarrijiet u l-provi prodotti, il-Qorti sabet li r-relazzjoni bejn l-akkużati u n-negozji tagħhom kienet waħda konfuża u irregolari.

Irriżulta li Terence Cini kien imexxi kummerċ ta’ xiri u bejgħ ta’ xorb u luminati mingħajr permessi u mingħajr reġistrazzjoni għall-VAT, filwaqt li Amanda Farrugia kienet tippermetti l-użu tan-numru tal-VAT tagħha biex tkopri attività kummerċjali li, skontha stess, ma kellhiex involviment fiha. Dan wassal lill-Qorti biex tikkonkludi li Farrugia kienet qed tiffaċilita l-attività ta’ Cini.

Il-prosekuzzjoni ressqet il-każ bħala wieħed ta’ money laundering “standalone” u sostniet li s-sors illeċitu tal-fondi kien it-traffikar tad-droga. Ġiet ippreżentata x-xhieda tal-Eks Spettur Anthony Scerri, li kkonferma li Cini kien investigat u akkużat b’traffikar ta’ droga, inkluż ħames kilos cannabis, u li nstab fil-pussess ta’ eroina u kokaina. Il-Qorti qieset li din l-evidenza kienet biżżejjed fuq bażi prima facie biex tiġi stabbilita attività kriminali sottostanti li ġġenerat il-fondi inkwistjoni.

Mill-analiżi finanzjarja li saret, irriżulta li bejn l-2016 u Awwissu tal-2020 ġew depożitati fil-kontijiet ta’ Farrugia kważi €2.9 miljun, l-aktar f’depożiti ta’ flus kontanti u ċekkijiet. Fl-istess perjodu, il-Qorti osservat defiċit ta’ madwar €135,000 bejn id-depożiti u l-pagamenti, sitwazzjoni li ġiet deskritta bħala nieqsa minn kull loġika kummerċjali. Minkejja dan, Farrugia akkwistat vetturi u proprjetajiet ta’ valur konsiderevoli, minkejja li d-dħul iddikjarat tagħha mal-Kummissarju għat-Taxxa kien relattivament baxx.

Il-Qorti nnutat ukoll li nstabu ammonti sostanzjali ta’ flus kontanti waqt ir-raids fil-ħwienet tal-akkużati, fatt li saħħaħ il-konklużjoni li Farrugia kellha sorsi ta’ fondi mhux dikjarati. Skont is-sentenza, hija kienet ukoll parti attiva u faċilitatur tal-attività illegali ta’ Cini, li kien taħt Ordnijiet ta’ Qbid u Ffriżar u għalhekk uża l-kontijiet bankarji tagħha biex jevita dawn ir-restrizzjonijiet.

Il-Qorti analizzat ukoll diversi pagamenti li għalkemm dehru li kienu kummerċjali, tqiesu suspettużi jew mhux sostnuti b’dokumentazzjoni valida. Fost dawn kien hemm pagamenti sinifikanti lil kumpaniji u individwi li x-xhieda tagħhom ġiet deskritta bħala inkredibbli jew kontradittorja.

Ġew eżaminati wkoll ċekkijiet marbuta ma’ X Clean Ltd u persuni oħra, li l-Qorti sabet li kienu marbuta ma’ attività illegali, inkluż it-tisrif ta’ ċekkijiet mingħajr liċenzja, li fih innifsu jikkostitwixxi reat. Partikolari attenzjoni ngħatat lix-xhieda ta’ Shaun Mifsud, li qal li kien qed iħallas ammonti kbar għal-luminata li jixtri mingħand l-akkużati.

Madanakollu, il-Qorti qieset din l-ispjega bħala inverosimili fid-dawl tal-volum u l-ammonti konsiderevoli tad-depożiti, u kkonkludiet li dawn il-pagamenti kienu aktar konsistenti ma’ traffikar ta’ narkotiċi milli ma’ kummerċ leġittimu.

B’kollox, il-Qorti sabet li l-prosekuzzjoni rnexxielha tipprova lil hinn minn kull dubju raġonevoli li Amanda Farrugia kienet qed tiffaċilita u tipparteċipa fil-ħasil ta’ flus, filwaqt li l-fondi kienu ġejjin minn attività kriminali mmexxija minn Terence Cini, primarjament traffikar tad-droga.

Xhieda tekniċi u finanzjarji jkomplu jsaħħu l-istampa ta’ tranżazzjonijiet illeċti

Is-smigħ fil-Qorti kompla b’xhieda estensiva li kopriet tranżazzjonijiet ta’ vetturi, relazzjonijiet kummerċjali, stimi ta’ oġġetti, rekords tat-taxxa u tal-VAT, kif ukoll stqarrijiet awdjoviżivi tal-akkużati stess. Bosta mix-xhieda kkonfermaw li l-operazzjonijiet li fihom kienu involuti mal-akkużati kienu, fil-fehma tagħhom, tranżazzjonijiet normali u skont il-liġi, filwaqt li sostnew li qatt ma ġew investigati jew imsejħa mill-Pulizija wara li xehdu.

Andrea Buhagiar qal li kien xtara u mbagħad biegħ Volkswagen Passat lill-akkużat Terence Cini għal madwar elfejn ewro, ħlas li sar kollu fi flus kontanti. Skontu, din kienet tranżazzjoni ordinarja u l-Pulizija qatt ma’ reġgħu kkuntattjawh. Amabile Ellul xehed li kien involut fi tpartit ta’ Mercedes Benz E250 ma’ Clayton Mckay, li fih kien hemm ukoll ħlas addizzjonali fi flus kontanti. Huwa sostna li qatt ma kellu negozju mal-akkużati u li għalih dan in-negozju kien “nadif”.

Massimo Bruno, sid ta’ Deter Shop Limited, qal li l-kumpanija tiegħu ilha topera mill-2014 u tbigħ detergents u xorb. Huwa sostna li ma jafx lill-akkużata Amanda Farrugia, iżda meta ġie murija numru ta’ ċekkijiet maħruġa fuq il-kumpanija tiegħu minn Farrugia, spjega li dawn irriżultaw li kienu relatati ma’ xogħol magħmul minn JP Import Ltd. Dan ġie sostnut permezz ta’ fatturi ppreżentati fil-Qorti.

Mario Zammit xehed dwar Mercedes Benz E250 li kienet ġiet irreġistrata temporanjament f’ismu sakemm jitħallas bilanċ relatat ma’ tpartit ieħor. Huwa qal li dan in-negozju kien sar ma’ Abraham Grima u li ma jafx lill-akkużati, u lanqas qatt ma’ ġie kkuntattjat mill-pulizija.

Xhud ieħor, li xehed dwar relazzjoni personali mal-akkużat Terence Cini, qal li kien iltaqa’ miegħu diversi drabi fil-ħabs u li Cini kien irrakkontalha kif spiċċa vittma tad-droga u sussegwentement tal-użura. Skont ix-xhud, Cini kien jinsab taħt pressjoni kbira u saħansitra kien wasal f’punt ta’ disperazzjoni. Hija qalet li ġieli silfitu flus, kemm b’ċekk kif ukoll fi flus kontanti, u li dawn kien iroddhom lura maż-żmien.

Ix-xhieda tekniċi komplew b’rappreżentanti ta’ banek, awtoritajiet u istituzzjonijiet regolatorji. Rappreżentant ta’ Izola Bank ikkonferma li kienu ffinanzjaw Vauxhall Mokka mixtrija minn Amanda Farrugia permezz ta’ kambjali, minkejja li ma kellhomx relazzjoni bankarja diretta magħha. Xhieda oħra kkonfermaw il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest imposti fuq Terence Cini, kif ukoll stimi ta’ oġġetti elevati li jvarjaw minn eluf ta’ ewro f’ġojjellerija, arloġġi u nuċċali tax-xemx.

Mill-informazzjoni ppreżentata mid-Dipartiment tat-Taxxa u tal-VAT, irriżulta li Amanda Farrugia kellha dħul iddikjarat ta’ madwar €117,000 mifruxa fuq numru ta’ snin, filwaqt li Terence Cini kellu dħul kważi ineżistenti. Madanakollu, rapport espert dwar il-“wealth analysis” wera li bejn l-2019 u l-2020 Farrugia għamlet depożiti bankarji li jaqbżu t-€2.8 miljun u ħruġ li jaqbeż it-€3 miljun, mifruxa fuq eluf ta’ ċekkijiet u trasferimenti. Dan kien f’kuntrast qawwi mad-dħul iddikjarat tagħha u mal-valur tal-vetturi rreġistrati f’isimha.

Ix-xhieda dwar iċ-ċekkijiet kompliet b’diversi persuni li kkonfermaw li ċerti ċekkijiet kienu ffirmati minnhom iżda mħollija vojta jew mimlija minn terzi. Analiżi kaligrafika wriet li filwaqt li l-firem fuq sitt ċekkijiet kienu ta’ Amanda Farrugia, kien hemm diskrepanzi sinifikanti bejn il-kitba l-oħra fuq l-istess ċekkijiet u l-kampjuni tal-kitba kemm tagħha kif ukoll ta’ Terence Cini.

Fil-fażi finali tax-xhieda, ġew ippreżentati stqarrijiet awdjoviżivi tal-akkużati. Terence Cini ammetta li kien vittma tal-użura u li kien jiġi mhedded kontinwament, u kkonferma li l-munizzjoni li nstabet fir-residenza tiegħu kienet tiegħu, għalkemm qal li m’għandux arma tan-nar.

Amanda Farrugia, min-naħa tagħha, spjegat l-istruttura tat-tliet ħwienet Hudson u r-rwol tagħha fihom, insistiet li ma kinitx involuta fit-taxxi jew fil-pagamenti ta’ ċerti negozji, u sostniet li l-ħlasijiet lis-suppliers kienu jsiru xi drabi fi flus kontanti u xi drabi b’ċekkijiet. Hija ċaħdet li kienet vittma tal-użura u għażlet li ma tweġibx dwar jekk Terence Cini kienx vittma tagħha.

Ix-xhieda kollha flimkien komplew jibnu stampa kumplessa ta’ flus kbar, tranżazzjonijiet frekwenti u relazzjonijiet kummerċjali mifruxa, li l-Qorti se jkollha tevalwa fid-dawl tal-akkużi serji ta’ ħasil ta’ flus u ksur ta’ kundizzjonijiet imposti mill-Qorti.

Xhieda jixħtu dawl fuq tranżazzjonijiet finanzjarji u bejgħ ta’ vetturi fil-każ ta’ ħasil ta’ flus

Meta reġa’ xehed fil-kontro-eżami, Sean Mifsud ikkonferma li kellu relazzjoni kummerċjali mal-akkużati fejn kien ibigħilhom xogħol għall-ħanut tagħhom u fl-istess ħin kien jixtri mingħandhom luminata u birra. Huwa sostna li dawn iż-żewġ tipi ta’ negozju kienu jinżammu separati u li l-kontijiet qatt ma tħalltu.

Mifsud spjega li kien jixtri pallets sħaħ ta’ luminata minħabba li kien jingħata prezz tajjeb, aħjar minn dak tal-aġent, u mbagħad jerġa’ jbiegħhom lill-ħwienet bi profitt żgħir. Sa fejn jaf hu, dan in-negozju kien kollu regolari u l-flejjes li kien juża biex jixtri l-luminata kienu ġejjin min-negozju tiegħu stess.

Ix-xhud qal li qatt ma kellu problemi relatati mat-taxxa jew mal-VAT, u li meta l-luminata kienet tiddaħħal Malta, it-taxxa dejjem kienet titħallas. Huwa kkonferma li l-Pulizija kienu kellmuh dwar il-każ, iżda dan kien seħħ qabel ix-xhieda tiegħu u kien jikkonċerna l-fatt għaliex ċerti ċekkijiet kienu joħorġu fuq isem Amanda Farrugia. Wara li xehed, skont Mifsud, la l-Pulizija u lanqas l-FCID ma ħadu passi kontrih, minkejja li kien ġie investigat u rrilaxxa stqarrija.

Xehed ukoll Kevin Attard, distributur u aġent tal-Benna, li qal li ilu snin jipprovdi lill-akkużata Amanda Farrugia b’ħalib u prodotti oħra tal-ħalib għall-ħanut tagħha f’Ħal Balzan. Huwa spjega li l-ħlasijiet kienu jsiru darba fil-ġimgħa, xi drabi b’ċekk u xi drabi bi flus kontanti, u li ċ-ċekkijiet eżebiti fil-proċess kienu relatati direttament ma’ dawn il-pagamenti. Attard sostna li t-tranżazzjonijiet kollha saru skont il-liġi u li l-Pulizija ma ħadu ebda passi kontrih.

Jonathan Mangion xehed dwar żewġ ċekkijiet li nħarġu f’ismu, u spjega li dawn x’aktarx kienu parti minn ċekk book li kien insteraqlu. Huwa qal li ċ-ċekkijiet ma kinux miktuba minnu u lanqas kienu tiegħu, peress li kienu tal-klijent. Skont ix-xhud, min insteraqlu ċ-ċekkijiet kien sarrafhom u għadu qed iroddlu lura l-ammont misruq bil-mod. Huwa ammetta li ma kienx informa lill-klijent u li spiċċa tilef dawk il-flus. Mangion qal ukoll li l-Pulizija qatt ma reġgħu kkuntattjawh wara x-xhieda tiegħu u ma ttieħdu l-ebda passi kontrih.

Min-naħa tagħha, Josephine Bugeja qalet li kienet taf lill-akkużati bħala ħbieb li kienet iltaqgħet magħhom f’okkażjonijiet soċjali. Meta ġiet murija ċekk intestat f’isimha u maħruġ minn Shaun Mifsud, hija qalet li ma tafx x’inhu dak iċ-ċekk, għalkemm ikkonfermat li l-firma u l-kitba kienu tagħha.

Hija spjegat li tgħix bil-pensjoni u li snin qabel kienet biegħet garaxx u wkoll biċċa art fil-Mosta, bejgħ li ġie kkonfermat permezz ta’ nota tan-nutar. Dwar ċekk ta’ €7,000, hija qalet li qatt ma ħadet dawn il-flus u li jista’ jkun li n-neputi tagħha, Jeffrey Cassar, kien involut biex isarraf iċ-ċekk. Minkejja dan, hija insistiet li ma tafx kif dan iċ-ċekk spiċċa fil-kont bankarju tal-akkużati.

Xehed ukoll Jacqueline Agius, zija tal-akkużat Terence Cini, li qalet li taħdem part-time fil-ħanut Hudson Confectionery u titħallas bi flus kontanti skont is-sigħat li taħdem. Meta ġiet murija ċekkijiet maħruġa minn Amanda Farrugia, hija qalet li ma kinitx taf bihom u kkonfermat li l-Pulizija la investigawha u lanqas ikkuntattjawha wara x-xhieda tagħha.

Fil-qorti tressqu wkoll xhieda dwar xiri u bejgħ ta’ vetturi. Xhud li jaħdem bħala auto-electrician u dealer qal li biegħ u partat diversi vetturi ma’ Terence Cini, fosthom Mazda, Mercedes, Toyota u Peugeot, b’pagamenti li skontu dejjem saru cash jew permezz ta’ kombinazzjoni ta’ depożiti u kambjali. Huwa sostna li dawn it-tranżazzjonijiet kienu normali u li l-Pulizija qatt ma’ ħadu passi kontrih.

Daniel Felice xehed li biegħ Mercedes Benz C200 lill-akkużata Amanda Farrugia għal €19,000, fejn ingħata depożitu ta’ €7,000 fi flus kontanti u l-bqija tħallas f’rati mensili ta’ €300 fuq perjodu ta’ tliet snin. Huwa kkonferma li l-ħlas kollu sar mingħajr problemi u li l-Pulizija qatt ma’ investigawh.

Fl-aħħar nett, Tony Debono qal li biegħ Mercedes Benz E250 lil Clayton McKay u mhux lill-akkużati, għalkemm il-vettura eventwalment ġiet irreġistrata fuq isem Amanda Farrugia. Huwa spjega li l-vettura nbiegħet għal €11,000, b’depożitu ta’ €500 u l-bqija tħallas fi flus kontanti f’daqqa. Skont Debono, din kienet tranżazzjoni normali u lanqas hu ma ġie kkuntattjat jew investigat mill-Pulizija dwar dan il-bejgħ.

Xhieda Dettaljata quddiem il-Qorti

Fil-kors tal-kontro-eżami tagħha, xhud ewlieni fl-investigazzjoni spjegat li l-inkjesta dwar Terence Cini kienet iffukata fuq allegat ħasil ta’ flus b’rabta diretta mad-droga, fid-dawl tal-fatt li Cini kellu diversi kawżi relatati ma’ reati tad-droga. Skont ix-xhud, din ir-realtà wasslet lill-awtoritajiet biex jikkonkludu li l-attività kriminali sottostanti tal-investigazzjoni kienet proprju t-traffikar tad-droga.

Fir-rigward ta’ Amanda Farrugia, għalkemm hija ma kellhiex kawżi relatati mad-droga, irriżulta li kienet tgħix ma’ Cini u kellha numru ta’ tranżazzjonijiet finanzjarji suspettużi. Ix-xhud ikkonfermat li, minkejja n-nuqqas ta’ akkużi diretti dwar droga fil-konfront tagħha, l-investigazzjoni xorta waħda rabtet l-attività finanzjarja tagħha ma’ fondi allegatament ġejjin minn sors illeċitu marbut mad-droga.

Dwar il-valur tal-flus allegatament maħsula, ix-xhud spjegat li l-awtoritajiet qed iqisu l-assi kollha tal-akkużati kif indikati mid-Direttur tal-Uffiċċju għall-Irkupru tal-Assi bħala l-ammont totali tal-flus maħsula. Intqal ukoll li waqt l-investigazzjoni ġie identifikat kont bankarju f’isem Amanda Farrugia li fih kienu qed jidħlu flejjes li ma setgħux jiġu ġustifikati.

Fl-istess waqt, Terence Cini ma kellux kont bankarju attiv minħabba li kien soġġett għal ordni ta’ ffriżar. Ix-xhud qalet li Farrugia kienet tidher li qed tiddepożita flus kontanti fil-kont tagħha permezz tal-ATM u spjegat li, ladarba fondi jitħalltu f’kont bankarju ma’ flus allegatament ġejjin mid-droga, dak il-fatt waħdu jkun biżżejjed biex jikkostitwixxi r-reat ta’ money laundering. Hija żiedet li ġew identifikati wkoll diversi vetturi li l-provenjenza tagħhom ma tidhirx li hija leġittima, kif ukoll xiri ta’ garage mingħajr ma ttieħed self bankarju.

Fix-xhieda tagħha kompliet tgħid li, minkejja li telgħu xhieda li sostnew li ċerti ċekkijiet kienu relatati ma’ xogħol jew tisrif ta’ bilanċi, il-fatt li dawk il-fondi tħalltu f’kontijiet bankarji ma’ flus allegatament illeċiti kien biżżejjed biex dawn jitqiesu bħala ħasil ta’ flus. Ix-xhud qalet ukoll li mhux ix-xhieda kollha li telgħu f’dan il-każ kienu kredibbli u li kien hemm terzi persuni oħra li ġew investigati b’rabta mal-allegati reati.

Aktar tard xehed Silvio Chetcuti f’rappreżentanza tal-Bank of Valletta, li kkonferma li ż-żewġ akkużati kellhom relazzjoni bankarja mal-bank u ppreżenta dokumentazzjoni relevanti mis-sistemi tal-bank. Huwa ppreżenta CD li kien fih dokumenti bankarji relatati ma’ Amanda Farrugia u Terence Cini.

Fil-każ ta’ Farrugia, id-dokumentazzjoni kienet tinkludi formoli ta’ ftuħ ta’ kontijiet, dikjarazzjonijiet tas-source of wealth, formoli FS3 u lista dettaljata ta’ tranżazzjonijiet li saru minn kontijiet li jispiċċaw bin-numri #9317 u #8187.

Chetcuti qal li, skont ir-riċerka li saret, f’isem Farrugia nħarġet debit card waħda, filwaqt li għal Cini kien hemm kont wieħed biss bin-numru #7371 li fih kienu deħlin biss żewġ transazzjonijiet ta’ 0.02 ċenteżmi bħala interessi. Meta reġa’ xehed, huwa kkonferma li Farrugia kellha kemm Cashlink Visa kif ukoll Cashlink normali f’isimha, filwaqt li f’isem Cini ma kien hemm ebda karta bankarja.

Ix-xhieda kompliet b’Dennis Xuereb, Direttur tal-kumpanija X Clean Limited, li qal li kien jaf lil Terence Cini iżda mhux lil Amanda Farrugia. Meta ġie muri ċekkijiet maħruġa mill-kumpanija tiegħu fuq Farrugia, ikkonferma li l-firem kienu tiegħu. Huwa spjega li f’Settembru tal-2018 kellu problemi mal-bank li wasslu għall-għeluq tal-kontijiet tiegħu, u għalhekk ma setax jissarraf ċekkijiet jew juża credit cards.

Dwar iċ-ċekkijiet, qal li kien imur għand Cini biex isarrafhom bħala pjaċir, mingħajr ma Cini qatt talab jew qala’ flus minn dan l-arranġament. Spjega wkoll li kien jonfoq regolarment somom konsiderevoli mill-ħanut Hudson Confectionery u li kien jitlob lil Cini jekk kellux flus kontanti biex jagħtih il-bqija. Dwar il-fatt li ċ-ċekkijiet kienu miktuba fuq Amanda Farrugia u mhux fuq Cini, qal li kien jistaqsi lil Cini fuq min għandu jiktibhom.

Xehed ukoll Silvio Bellia li qal li jaf lill-akkużati bħala klijenti tan-negozju tiegħu li jbigħ is-sigaretti, li kienu jordnaw minnu biex ibiegħuhom fil-ħanut tagħhom. Min-naħa tiegħu, Shaun Mifsud xehed li kien ibigħ frott, ħaxix, luminata u xorb ieħor lill-ħanut Hudson Confectionery u li kien jaf lil Amanda Farrugia permezz ta’ WhatsApp.

Huwa spjega fid-dettall kif numru ta’ ċekkijiet li spiċċaw fil-kont ta’ Farrugia kienu relatati ma’ pagamenti għal luminata, birra u xorb ieħor, u mhux għall-ħaxix. Huwa spjega wkoll il-volumi kbar ta’ xiri li kien jagħmel, inklużi pallets ta’ luminata li setgħu jammontaw għal eluf ta’ ewro f’perjodi qosra ta’ żmien.

Mifsud qal ukoll li għandu maħżen fl-Imrieħel u li n-negozju tiegħu kien isir prinċipalment ma’ Jeffrey Cassar, li eventwalment sar jaf li kien qed jaħdem f’isem Terence Cini. Huwa ammetta li ħareġ ċekkijiet vojta fuq struzzjoni ta’ Cassar u li aktar tard fetaħ kawża ċivili kontra Cini biex jirkupra somma ta’ madwar €277,000 li allegatament kienet dovuta lilu.

Fil-kontro-eżami, ix-xhud ammetta li kien hemm xi inkonsistenzi fix-xhieda tiegħu dwar kemm-il darba biegħ frott u ħaxix lill-akkużati, iżda sostna li, sa fejn kien jaf hu, in-negozju kien wieħed leġittimu u mingħajr problemi ta’ taxxa. Huwa kkonferma wkoll li ġie mitkellem mill-Pulizija dwar iċ-ċekkijiet li kien ħareġ, iżda ma ttieħdu ebda passi kontrih.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Lianne Bonello.