Lokali

Steward ordnati jħallsu €850,000 lil kumpanija tat-tindif

Kumpanija li pprovdiet tindif fl-Isptar Karin Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, għandha tieħu mal-€850,000 mingħand Steward Health Care.

Zenith Consultancy Group, li tieħu ħsieb din il-kumpanija tat-tindif, fetħet proċeduri legali kontra Steward Health Care wara li dawn naqsu milli jħallsu invoice li ntbagħtet lura fl-2023…anke wara li intbagħtu numru ta’ notifiki.

Minn naħa tagħhom, Steward, ma nnegawx li din il-kumpanija pprovditilhom servizz, iżda argumentaw illi l-kuntratt oriġinali ffirmat bejn Zenith u Steward, kien skada – u qatt ma kien imġedded. Dan filwaqt li anke akkużaw lil Zenith, li kisru numru ta’ ftehimiet kuntrattwali meta ma pprovdewx garanziji bankarji; allegazzjonijiet li Steward naqsu milli jipprovdu provi għalihom.

Il-Qorti pperseduta mill-Imħallef Mark Simiana innotat li skont il-liġi Maltija, kumpaniji huma marbutin – anke bi ftehim verabli – ġaladarba jkomplu jipprovdu u anke jaċċettaw servizzi wara li jiskadi kuntratt.

Finalment, il-Qorti iddeċidiet li Steward għandha tħallas €850,000 flimkien mal-interessi u anke l-ħlasijiet legali lil Zenith.